Futbol Sport

Sittax-il uffiċjal jingħataw il-badge tal-FIFA

(Ritratt: Joe Borg)

Sittax-il uffiċjal ġew konfermati fuq il-lista internazzjonali tal-FIFA. Huma ġew ippreżentati bil-Badge tal-FIFA mis-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti, fil-preżenza tal-Viċi President Adrian Casha u d-Direttur tar-Referees Charles Agius.

Qabel il-preżentazzjoni tkellem il-Viċi President tal-MFA u ċ-chairman tal-Kumitat tar-Referees Adrian Casha. Hu għamel referenza għall-kisbiet tas-settur fl-2019 u tkellem dwar l-impenn tal-MFA biex toħloq aktar opportunitajiet għall-uffiċjali.

Fosthom jispikkaw il-promozzjoni ta’ Trustin Farrugia Cann għal referee ta’ Kategorija 2 tal-UEFA wara l-prestazzjoni li kellu fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena fl-Irlanda f’Mejju li għadda. Casha tkellem ukoll dwar l-assistent referee Alan Camilleri li ilu fil-lista internazzjonali tal-FIFA mill-2003.

Il-Viċi President tal-MFA wiegħed li l-Kumitat tar-Referees se jagħmel minn kollox biex jerġa’ jkun hemm referee Malti f’Kategorija 1 tal-UEFA kif ukoll li jkun hemm referees u assistenti referees nisa fil-lista internazzjonali tal-FIFA fis-snin li ġejjin.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti qal li dan l-avveniment hu importanti mhux biss għal dawk li jirċievu l-badge iżda wkoll għar-referees żgħażagħ li xi darba jaspiraw li jkunu minflokhom. Hu rringrazzja lill-uffiċjali tal-impenn tagħhom tul is-sena kif ukoll lil dawk li jaħdmu minn wara l-kwinti.

Alan Mario Sant ilu referee tal-FIFA mill-2010, Trustin Farrugia Cann u Fyodor Zammit saru referees tal-FIFA t-tnejn fl-2016 filwaqt li Matthew Degabriele kkonferma postu għat-tieni sena konsekuttiva.

Għal dawn l-aħħar erba’ snin, it-tmien Assistenti Referees baqgħu l-istess, b’Alan Camilleri hu l-iktar Assistent Referee preżenti fil-panel tal-FIFA hekk kif ilu mill-2003. Edward Spiteri jsegwi, Chris Francalanza ilu Assistent Referee tal-FIFA mill-2011, Mitchell Scerri ilu mill-2012, Duncan Sultana ilu mill-2013, Jurgen Spiteri u Roberto Vella ilhom mill-2015 u Luke Portelli ilu mill-2016.

Din hi r-raba’ darba fl-aħħar ħames snin li Clinton Cassar hu referee tal-Futsal filwaqt li għal David Balzan din hi t-tieni sena konsekuttiva li se jkun parti mill-panel tal-FIFA. Jonathan Mallia ilu referee tal-Beach Soccer mill-2017 filwaqt li għal Pierre Bonnici din hi t-tieni sena konsekuttiv li kiseb il-badge tal-FIFA.

Il-lista kollha tar-referees Maltin fuq il-panel tal-FIFA

Referees tal-FIFA

Matthew Degabriele, Trustin Farrugia Cann, Alan Mario Sant, Fyodor Zammit

Assistenti Referees tal-FIFA

Alan Camilleri, Chris Francalanza, Luke Portelli, Mitchell Scerri, Edward Spiteri, Jurgen Spiteri, Duncan Sultana, Roberto Vella

Referees tal-Futsal tal-FIFA

David Balzan, Clinton Cassar

Referees tal-Beach Soccer tal-FIFA

Pierre Bonnici, Jonathan Mallia