Sport Sport Ieħor

Spanja mal-aħħar tmienja tal-ATP Cup b’rebħa ta’ Nadal fuq Nishioka

(Ritratt: EPA)

Rafael Nadal għeleb lill-Ġappuniż Yoshihito Nishioka 7-6, 6-4 biex poġġa lil Spanja mal-aħħar tmienja tal-ATP Cup. Nadal kellu bżonn jirkupra darbtejn minn break minn taħt fl-ewwel set, qabel rebaħ it-tie-break. Fit-tieni set, l-Ispanjol kiser is-service tal-avversarju u mar 5-4 biex imbagħad aċċerta mir-rebħa.

Ir-rivali tiegħu Novak Djokovic kellu logħba aktar faċli hekk kif rebaħ 6-3, 6-3 kontra ċ-Ċilen Cristian Garin. B’hekk hu baqa’ mhux megħlub u assigura li s-Serbja tirbaħ il-grupp bi tliet rebħiet minn tliet konfronti. Garin kiser is-service ta’ Djokovic fit-tieni set u maru 3-1 minn fuq iżda s-Serb stenbaħ u rebaħ il-ħames logħbiet ta’ wara biex għalaq il-logħba.

Il-Pollakk Hubert Hurkacz kiseb it-tielet rebħa b’mod individwali b’rebħa ta’ 3-6, 6-4, 7-6 fuq l-Awstrijak Dominic Thiem. Din kienet it-tieni telfa għal Thiem wara li kien megħlub mill-Kroat Borna Coric.

Is-sitt rebbieħa tal-gruppi flimkien mal-aqwa tnejn li spiċċaw it-tieni, jikkontestaw il-kwarti tal-finali f’Sydney. In-nazzjonijiet li kkwalifikaw huma l-Awstralja, is-Serbja, ir-Renju Unit, Spanja, l-Arġentina, ir-Russja, il-Kanada u l-Belġju.

Riżultati

Grupp A: Serbja v Ċili 2-1, Franza v Afrika ta’ Isfel 1-2

Grupp B: Spanja v Ġappun 3-0, Georgia v Urugwaj 2-1

Grupp E: Awstrija v Polonja 1-2, Kroazja v Arġentina 0-3

Logħob li jmiss

Għada: Kwarti tal-finali: Renju Unit v Awstalja, Arġentina v Russja

Il-Ġimgħa: Kwarti tal-finali: Serbja v Kanada, Belġju v Spanja