Sport Waterpolo

Tkompli l-preparazzjoni tat-tim Malti għall-Kampjonat Ewropew b’konfront ieħor kontra Ortigia

(Ritratt: Martin Agius)

Tkompli l-preparazzjoni tat-tim nazzjonali Malti qabel it-tielet parteċipazzjoni konsekuttiva fil-Kampjonat Ewropew tal-Waterpolo. Illum it-tim Malti kien involut fit-tieni partita ta’ ħbiberija minn erbgħa kontra Ortigia, biż-żewġ logħbiet l-oħra jintlagħbu għada u l-Ġimgħa.

Malta tilfet 12-9 f’dan il-konfront, li kien wieħed fiżiku kontra tim li bħalissa jinsab fit-tielet post fil-kampjonat Taljan A1. F’kuntatt ma’ dan is-sit, il-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo qal li kien kuntent bil-prestazzjoni hekk kif ra titjib mil-logħba tal-bieraħ. Fi kliemu, din il-logħba kienet sessjoni tajba ta’ taħriġ.

L-iskwadra finali se titħabbar għada, bit-tim Malti jħalli pajjiżna l-Ħadd li ġej. Malta tilgħab l-ewwel konfront kontra Spanja t-Tlieta 14 ta’ Jannar fis-1.00pm. It-tieni konfront hu l-iktar importanti fil-fażi tal-gruppi kontra t-Turkija u jintlagħab il-Ħamis 16 ta’ Jannar fil-11.30pm, bit-tielet konfront kontra l-organizzaturi l-Ungerija jintlagħab is-Sibt fis-7.00pm.