Lokali

“What you see is what you get” – Michelle Muscat

“Ir-realtà tal-lum hija kemmxejn perplessa imma jiena ngħid li la jkollok kuxjenza safja inti tibqa’ serena… aħna what you see is what you get” – Michelle Muscat

Friska minn tmien vjaġġi li ħadu lilha u lir-raġel f’erba’ pajjiżi differenti fl-aħħar xahar, filwaqt li r-reputazzjoni ta’ Malta spiċċat imkissra kawża ta’ akkużi serji li qed jippuntaw lejn Kastilja, mart il-Prim Ministru, allegat li ċertu nies qed jippruvaw ikissru r-reputazzjoni ta’ Malta.

Ftit wara din id-dikjarazzjoni stramba, Michelle Muscat infexxet tattakka lill-media, u qalet li “kuħadd jaf x’nies aħna… inħallu l-media tiffabrika l-istejjer li trid”, media li grazzi għaliha qed insiru nafu bi skandlu wara l-ieħor fosthom rigali ta’ eluf ta’ ewro li rċieva Joseph Muscat m’għand l-allegat kompliċi fl-assissinju ta’ Daphne Caruana Galizia. L-istess media li waslet aħbarijiet dwar nies qrib Joseph Muscat, akkużati bl-involviment tagħhom fil-każ ta’ Caruana Galizia.

Michelle Muscat awgurat biex in-nies “hemm barra” tiġġudika lin-nies qrib Joseph Muscat b’sens ta’ gratitudni għaliex dak kollu li għamlu hi u Joseph, m’għamluhx weħidhom iżda bit-team tagħhom. Team ta’ nies li Michelle sejħitilhom “is-silent hereos”, nies viċin ferm tal-familja Muscat li bla dubju, fosthom, hemm Keith Schembri. Michelle Muscat madanakollu sejħet lilha u lil żewġha bħala “targets”.

Joseph Muscat kien umiljat fost l-ohrajn fil-Parlament Ewropew meta ittieħed vot kontra l-Prim Ministru ta’ Malta, bis-Soċjalisti sħabu ukoll jivvutaw kontrih. Iżda skont martu, u għalkemm qalilna li se jitlaq “għax hekk hemm bżonn”, lil Joseph, fl-Ewropa, qalulu “xi tlaqt tagħmel?” filwaqt li tawh dik li Michell sejħet “standing ovation”. Wieħed pero mhux ċert jekk din l-“istanding ovation” saretx qabel jew wara li Joseph Muscat ingħata l-premju tal-akbar korrott tas-sena 2019.

Waqt din l-intervista fuq l-istazzjoni tal-Lejber, mart il-Prim Ministru ħarset lura lejn ir-relazzjoni tagħha mas-segwaċi tagħha, dawk li taw is-sapport lilha u lil Joseph Muscat fejn qablet lilha nnifisha u l-ħajja pubblika tagħha mal-Papa Franġisku.