L-Istati Uniti qalet li lesta tidħol għal ‘negozjati serji’ mal-Iran u mingħajr ma jkunu stabbiliti l-kundizzjonijiet minn qabel. Il-Gvern ta’ Washington iċċara l-pożizzjoni tiegħu wara l-ostilitajiet ta’ nofs il-ġimgħa fejn l-Iran spara l-missili lejn bażijiet tal-ajru fl-Iraq li qegħdin iservu bħala ċentri għall-qawwiet tal-Istati Uniti f’dak il-pajjiż.
Ħadd ma weġġa fl-isparatura tal-Iran –ritaljazzjoni għall-qtil, fl-Iraq, tal-Ġeneral Iranjan Qasem Soleimani minn drone tal-Amerikani — bl-Istati Uniti, permezz ta’ ittra lin-Nazzjonijiet Uniti, tiġġustifika l-qtil tiegħu bħala ‘azzjoni biex tiddefendi ruħha’.
Min-naħa tiegħu l-Iran ukoll informa lin-NU li l-isparatura tal-missili seħħet bħala ‘azzjoni ta’ difiża’.
Il-Ġeneral Soleimani kien mexxej influwenti u popolari mal-Iranjani, waqt li kien ikkunsidrat bħala t-tieni l-aktar uffiċjal importanti ta’ pajjiżu. Iżda waqt li Soleimani kien imexxi lill-qawwa (elitista) tal-Quds mal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra kienu jqisuh ukoll bħala ‘terrorista ewlieni’. Dan waqt li Soleimani dam is-snin protagonista assolut għall-politika tal-Iran fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.
Il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, fisser l-attakk bil-missili fuq il-bażijiet tal-Istati Uniti fl-Iraq bħala ‘daqqa fil-wiċċ tal-Amerikani’, filwaqt li sejjaħ għat-tmiem tal-preżenza tal-Amerikani fl-Iraq.
L-attakk tal-Istati Uniti fuq Soleimani anki kien sewa l-ħajja ta’ milizji Iraqqin appoġġjati mill-Iran — bil-gruppi tagħhom ukoll jaħilfu vendetta kontra l-Istati Uniti.
Madankollu, il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Mike Pence, informa lil CBS News li waslitlu informazzjoni li l-Iran talab lill-milizji alleati biex ma jattakkawx miri Amerikani. Dan meta l-Kamra Amerikani tar-Rappreżentanti fil-preżent qed tħejji għal vot li jillimita l-kapaċità tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, biex imexxi gwerra kontra l-Iran mingħajr l-approvazzjoni speċifika tal-Kungress f’Washington.
Fl-ittra lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti ( għan-NU) Kelly Craft qalet li pajjiżha lest li jinnegozja ‘bil-għan li jevita aktar periklu għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali jew eskalazzjoni oħra tal-kriżi mir-reġim tal-Iran.’
L-ittra kompliet li l-qtil tal-Ġeneral Soleimani kien iġġustifikat taħt l-Artiklu 51 tal-UN Charter li jirrikjedi biex il-pajjiżi ‘jirrapportaw mal-ewwel lill-Kunsill tas-Sigurtà kwalunkwe miżuri li jittieħdu fl-eżerċizzju tad-dritt għal difiża’. Intant, l-ittra konkludiet li l-Istati Uniti għandha tieħu azzjoni addizzjonali ‘skont ma jkun neċessarju’ fil-Lvant Nofsani bil-għan li tħares lil niesha u l-interessi tagħha.
Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur Iranjan għan-NU, Majid Takht Ravanchi, qal li ‘ma titwemminx’ l-offerta tal-Istati Uniti għal taħditiet, meta l-Istati Uniti għadha qed tinforza s-sanzjonijiet ekonomiċi ħorox għall-Iran.
L-ittra tal-Iran – li tikkwota wkoll lill-Artiklu 51 tan-NU – tinsisti li r-reġim f’Tehran mhux ifittex li jeskala s-sitwazzjoni jew li jidħol fi gwerra. Ingħad ukoll li l-Iran ‘wettaq reazzjoni maħsuba u proporzjonata meta spara l-missili lejn il-bażijiet tal-Amerikani fl-Iraq’. L-Iran jinsisti, intant, li l-azzjoni konċentrat fuq il-miri militari mingħajr l-ebda effett għaċ-ċivili u l-interessi taċ-ċivili f’dik iz-zona speċifika tal-Iraq.
//= $special ?>