It-Tlieta li għadda b’ħafna pompi ġie mħabbar li beda x-xogħol fuq il-Proġett tas-Central Link. Ian Borg ħabbar dan fuq il-paġna tal-midja soċjali tiegħu, filwaqt li ntbagħtet email minn Infrastructure Malta.
Ironikament fl-istess post tiegħu fuq Facebook, Ian Borg qal li huma semgħu lil kulħadd, u li fejn hemm bżonn se jibqgħu jisimgħu….
Il-bdiewa taz-zona dil-ġimgħa sabu numru ta’ kuntratturi jħaffru l-għelieqi tagħhom; għelieqi li kienu qed jinħadmu. Dan ix-xogħol beda meta preżentament hemm appell li qed jikkontesta dan il-proġett.
Dwar dan fi stqarrija maħruġa mill-Bicycle Advocacy Group intqal li l-appellanti għal dan il-proġett ikkundannaw din l-azzjoni bħala parodija tal-ġustizzja, fejn id-drittijiet tal-partijiet interessati ma jistgħux jiġu rispettati jekk l-għelieqi se jkunu asfaltati, is-siġar maqlugħa u l-istrutturi mġarrfa.
Intant, dwar dak li ghaddej bħalissa, il-Partit Nazzjonalista ħareġ ukoll stqarrija fejn saħaq li l-Gvern Laburista għażel li jgħaddi romblu minn fuq in-nies, sew jekk huma residenti kif ukoll il-bdiewa li se jkunu qegħdin jitilfu r-raba tagħhom.
Il-PN appella biex iż-żewġ kandidati għal Prim Ministru u Mexxej Laburista għandhom minnufih jaraw li dawn ix-xogħlijiet jieqfu sakemm jintemm l-appell li hemm pendenti fuq dan il-proġett.
Il-mistoqsijiet wara dan kollu jibqgħu; x’inhi l-għaġġla ta’ dan il-Gvern li jibda xogħol malajr? Għaliex il-Gvern Laburista ma stenniex l-eżidu tal-appell?
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li se jibqa’ jsegwi x’qed iseħħ u se jibqa’ jżomm lill-Gvern Laburista responsabbli tad-danni li qed jikkawża lill-ambjent u liċ-ċittadini tort ta’ deċiżjonijiet ħżiena li qed jippersisti li jibqa’ jieħu.
//= $special ?>