Lokali Qorti Qtil Politiku

L-eks Chief of Staff ta’ Muscat investigat taħt l-isem “Operation Green”

Michael Cassar u Peter Paul Zammit jixhdu fit-tkomplija tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Il-Ħamis tkompli l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn għall-ħabta tas-2.30pm mistennija jixhdu l-eks Kummissarji tal-Pulizija, Peter Paul Zammit u Michael Cassar.

Il-bord tal-Inkjesta Pubblika huwa kompost minn tlett membri, li huma l-Imħallef Emeritus Michael Mallia, chairman tal-bord, filwaqt li ż-żewġ membri l-oħra huma l-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

16:49 – L-Inkjesta Pubblika hija aġġornata għal nhar it-Tnejn fis-2.30pm, fejn mistennija jixhdu Sandro Chetcuti u l-Eks Kummissarju, Ray Zammit. Imbagħad, nhar it-Tlieta fis-2pm, tkompli l-Inkjesta fil-magħluq.

16:47 – Michael Cassar temm il-kumplament tax-xhieda tiegħu fil-magħluq.

16:44 – Ix-xhieda ta’ Michael Cassar fil-magħluq, mill-ħin li ġie mistoqsi dwar ir-raġuni għala ta r-riżenja tiegħu, issa skorriet tliet kwarti.

15:58 – Bħalissa fil-magħluq, Michael Cassar qed jagħti r-raġunijiet ta’ għala rriżenja bħala Kummissarju tal-Pulizija, fil-preżenza tal-familjari ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa kien irriżenja eżatt wara li kien ġie lura minn btala.

15:54 – Michael Cassar kien deċiż li jitlaq, minkejja li kellu r-rispett ta’ ħafna nies. Amministrattivament ġieli kien hemm indħil imma dwar l-investigazzjonijiet, qatt. Crime conferences kienu jsir fi żmienu.

15:52 – Il-fajl ta’ Schembri u Tonna kien jismu “Operation Green” u nfetaħ fit-8 t’April 2016.

15:50 – Cassar ma riedx li jkollu fajl doppju fuq l-istess suġġett għaliex ma riedx li tittieħed azzjoni fuq biċċa u ma titteħidx fuq oħra. L-unika istanza fejn kien ikollu fajl doppju meta l-allegazzjonijiet in kwistjoni tinvolvi d-droga u l-ħasil tal-flus per eżempju.

15:49 – Ftit qabel ma telaq, Cassar kien mgħarraf dwar rapport tal-FIAU dwar Brian Tonna u Keith Schembri dwar l-allegat tixħim mill-bejgħ tal-passaporti. Jgħid li kif bdew ħierġin l-allegazzjonijiet, staqsa jekk l-FIAU kinux jaħdmu fuqha u rriżulta fl-affermattiv. La kienu qed jaħdmu fuqha, il-Pulizija tistenna r-rapport tal-FIAU però sadattant, il-Pulizija tista’ tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha.

15:48 – Li kieku l-Pulizija jkollha l-istess materjal tal-FIAU fl-istess waqt, Michael Cassar jgħid li l-Pulizija tkun tista’ taġixxi minnufih u b’hekk jiġu evitati proċessi burokratiċi.

15:47 – Jgħid li ma kienx jiġi apprezzat ħafna l-investigazzjonijiet li kienu jsiru dwar il-ħasil tal-flus. It-timijiet ta’ investigazzjonijiet kien kompost minn 3 persuni biss għal madwar 15/16-il każ irrappurtat.

15:46 – L-FIAU għandha aktar poteri mill-Pulizija biex tikseb ċerti informazzjonijiet dwar reati kriminali ekonomiċi.

15:45 – Indħil dwar ir-rapporti tal-FIAU jgħid li qatt ma saru.

15:44 – Rapport tal-FIAU ġieli ġew direttament għandu u ġieli le.

15:43 – Qatt ma kellu indħil mill-amministrazzjoni, lanqas dwar kif jipproċedi l-investigazzjonijiet.

15:42 – Fixed points mar-residenza ta’ Daphne Caruana Galizia kienu tqiegħdu mid-9 sat-28 ta’ Marzu 208, 6 sat-12 t’Ottubru 2010, 10 sat-12 ta’ Marzu 2013, mill-4 sas-6 ta’ Ġunju 2017.

15:39 – Meta xi individwi jħossu mhedded u jasal ir-rapport għand il-Pulizija, il-Korp jieħu l-prekawzzjonijiet, iżda mhux bilfors fixed. Il-Kummissarju jevalwa r-rapporti kull xahar. Jgħid li jeżisti fajl, sa mill-1998, PS4/98, u fiha hemm lista ta’ fixed points. Però, lista tal-patrols ma jeżistix fajl jew reġistru għaliex il-patrols, ġieli jkunu frekwenti u ġieli jonqsu. Il-vetturi tal-RIU huma aktar frekwenti iżda ż-żoni tagħhom mhumiex daqshekk kbar. Żoni oħrajn ikunu koperti mill-Għasses.

15:38 – Jgħid li bil-Pulizija miegħek, din hija protezzjoni imma mhijiex kumdità.

15:36 – Daphne kienet tavviċinah meta kien jiġrilha xi ħaġa. Fis-Servizzi Sigrieti, Cassar qatt ma kellu alert dwar xi theddid.

15:34 – Mistoqsi dwar il-livell ta’ theddida li kellha Daphne Caruana Galizia mill-Bord, Cassar jgħid li kienu jsir patrols fil-Bidnija u meta jgħaddu minn quddiem ir-residenza, kienu jagħtu titwila. Fl-ewwel xahar staqsa dwar dan u kien qed itella’ u jniżżel jagħmilliex fixed point. Kien hemm xi fizzjala qalulu li Caruana Galizia kienet talbet lill-Kummissarju John Rizzo biex ma jkolliex fixed point.

15:33 – Michael Cassar daħal fil-korp fl-1997 u nħatar bħala Kummissarju tal-Pulizija fid-9 ta’ Diċembru tal-2014 u sas-27 t’ April 2016.

15:32 – Peter Paul Zammit ilesti x-xhieda tiegħu u jissejjaħ l-eks Kummissarju tal-Pulizija, Michael Cassar, biex jidhed.

15:31 – Suspicious Transactional Reports jgħaddu awtomatikament għall-investigazzjonijiet. Mill-FIAU, ir-rapport jgħaddu immedjatament għand il-Pulizija iżda f’xi każijiet, jgħaddu għand l-Avukat Ġenerali.

15:29 – Mistoqsija minn Commodini Cachia, Zammit jgħid li l-Pulizija kellha rappreżentanza fl-FIAU. Jekk irċieva xi rapporti mill-FIAU, huwa għaddihom għall-investigazzjoni. Iżda dawn ir-rapporti qatt ma kellhom għalfejn jiġu għandhom u jgħaddu mill-proċeduri normali għand il-Financial Services Unit.

15:28 – John Dalli huwa kuġin tal-mara ta’ Peter Paul Zammit.

15:26 – Għall-mistoqsija ta’ Therese Commodini Cachia, l-OLAF ma ssostanzjatx b’evidenza is-suppożizzjonijiet li kellha f’idejja. Skont Zammit, l-iżball tal-Korp kien li bbażat fuq din il-konklużjoni tal-OLAF.

15:22 – Mill-amministrazzjoni, sa fejn jidhirli, Zammit jgħid li ħadd ma kellmu dwar il-kaz ta’ John Dalli. Fuq inizjattiva tiegħu li reġa sejjaħ għal John Dalli biex jinterrogah qabel jiġi esegwit il-mandat t’arrest fl-2013. Huwa ħass li ma kinitx ġusta u korretta li jitressaq John Dalli, minkejja li kien hemm mandat t’arrest. Dan ir-rapport imsemmi qabel, ma kienx inkluż fil-fajl ta’ Dalli sakemm laħaq Peter Paul Zammit.

15:18 – Zammit jgħid li l-ħatra tiegħu ma kinitx marbuta li ma jipproċedux bl-arrest tal-eks Kummissarju Ewropew, John Dalli. Il-każ ta’ John Dalli, Zammit ma għalaqx il-każ peress li kienu għadu għaddej il-każ ta’ Silvio Zammit.

15:14 – Dwar il-każ ta’ John Dalli, ra d-dokumentazzjoni kollha, inkluż ir-rapport tal-OLAF u staqsa ċertu mistoqsijiet għal ċerti nuqqasijiet. Dawn il-mistoqsijiet kienu sar lill-OLAF f’rapport tal-Kumitat tas-Superviżjoni tal-OLAF, liema rapport li baqa’ mistur sal-2014, u li ma kienx konxju tiegħu l-Kummissarju Rizzo, u llum huwa pubbliku. Jgħid li r-rapport kellu ħafna difetti fuq l-investigazzjonijiet. Reġa’ sejjaħ għal John Dalli u investigah in parti, waħdu, u in parti mal-Kap Eżekuttiv tal-lum, Angelo Gafa. Ra diverġenzi kbar u reġa’ beda d-diskussjonijiet mal-Avukat Ġenerali.

15:12 – Każijiet partikolari mal-Ministeru jgħid li qatt ma ġew diskussi.

15:11 – Peter Paul Zammit iħoss li l-Korp huwa maqsum f’erbgħa. “L-amministrazzjoni trid mod u x-xogħol jurik mod ieħor.”

15:09 – Fiċ-CHOGM, is-sigurtà kienet ikkoordinata maċ-Chief of Staff tal-eks Ministru tal-Intern Manuel Mallia, Silvio Scerri. Scerri kellu ċertu piż fid-deċiżjonijiet meħuda mill-Ministeru tal-Intern mal-Korp.

15:06 – Zammit direttament ma jafx għala ssejjaħ mill-Prim Ministru Joseph Muscat fl-Uffiċċju tiegħu biex isir Kummissarju tal-Pulizija, kariga offruta ġimgħa qabel il-ħatra tiegħu għal żmien indefinit. Minn naħa tiegħu, il-Prim Ministru aċċetta l-proposti ta’ bidla li kellu Zammit, iżda indirettament, Zammit qal li l-Uffiċċju ried li dak li kien jipproponi l-eks Kummissarju, jesegwieh.

15:04 – Il-patrols frekwenti fl-inħawi tal-Bidnija kienu jsiru mill-Għassa tad-Distrett tal-Mosta iżda fuq x’rekords hemm dwar dawn il-patrols, Zammit jgħid li hemm fejn kienu jinżammu u hemm fejn le. F’dan il-każ, ma jistax jgħid jekk din l-ordni kinitx tiġi esegwita jew le iżda l-ordni dejjem ħarġet.

15:02 – Peter Paul Zammit ma kienx konxju jekk kienx hemm alert kbir dwar x’sogru hemm għal saħħet Daphne Caruana Galizia.

15:00 – Bħala persuna kontroversjali, Peter Paul Zammit kien jeħodha b’ “pinch of salt” u jgħid li oħrajn, kienu jeħduha bis-serjetà.

14:59 – Zammit jgħid li s-Servizzi Sigrieti qatt ma infurmawh li Daphne Caruana Galizia kienet f’riskju.

14:58 – Risk assessment qatt ma sar għajr meta nqalgħet il-kwistjoni tad-domanda parlamentari dwar x’sigurtà u x’protezzjoni qed jagħti l-Korp tal-Pulizija lill-ġurnalista assassinata in kwistjoni.

14:56 – Peter Paul Zammit jgħid li qatt ma ta ordni biex titwaqqaf xi patrol fil-Bidnija.

14:53 – Meta nħatar Kummissarju, Peter Paul Zammit qal li ma biddilx din il-proċedura. Il-Pulizija, huwa qal, fi żmienu ma kelliex reġistru ta’ nies f’riskju, għajr forsi s-CID, u mhuwiex ta’ ġid għal dawn in-nies li jiġi ppubblikat minħabba s-sigurtà tagħhom jekk jeżisti dan ir-reġistru.

14:52 – Fil-każ tal-fixed point ma’ Dr. Franco Debono, id-dettall ingħata mid-Depot lill-Għassa ta’ Ħal Għaxaq.

14:50 – Fi żmienu, kienet titniżżel l-ordni tad-dettalji mogħtija ta’ qadi ta’ dmirijiet il-Pulizija lill-Għasses, id-Distrett tal-Mosta f’dan il-każ.

14:49 – Zammit jgħid li għal żmien l-elezzjoni tal-2013, kien hemm fixed point mar-residenza ta’ Daphne Caruana Galizia u patrol frekwenti mill-Pulizija fil-viċinanzi. Huwa żamm l-istess sorveljanza bħala patrols biss mal-ħatra tiegħu. Ma kellu l-ebda indikazzjoni li kellha xi theddid.

14:47 – Peter Paul Zammit serva bħala Kummissarju tal-Pulizija bejn it-13 April 2013 u Ġunju tal-2015.

14:46 – Therese Commidini Cachia tippreżenta numru ta’ dokumenti żvelati tal-FIAU kif ukoll blog ta’ Daphne Caruana Galizia lill-bord.

14:45 – Jingħata bidu għas-sessjoni tal-lum tal-Inkjesta. Jissejjaħ l-Assistent Kummissarju, Peter Paul Zammit.

14:33 – Preżenti fl-Awla 20 hawn membri tal-familja Caruana Galizia, li huma rrappreżentati mill-avukati Therese Commodini Cachia u Andrew Borg Cardona.