Lokali

DELEGATI LABURISTI RRABJATI: “Kollox orkestrat…jitrattawna ta’ boloh”

Wara ċ-chat ta’ WhatsApp illi żvela lbieraħ Net News, kompliet tikber il-gwerra bejn id-delegati Laburisti li nhar is-Sibt se jivvutaw fl-elezzjoni għal-Leader il-ġdid tal-Partit Laburista.

Dan il-WhatsApp Group li żvelajna ħoloq terremot sħiħ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, bl-amministrazzjoni tal-Lejber ma tistax tniżżilha kif chat daqstant sensittiva waslet għand Net News. Bil-PL jiċħad biss illi kien hemm tbagħbis fil-listi tal-voti, u ma jiċħad xejn aktar mill-awtentiċita’ tal-provi li żvelajna – inkluż id-diskors ta’ wieħed mid-delegati li qed jakkuża lill-klikka ta’ Fearne illi nqabdu bil-listi tad-delegati f’kamra fil-magħluq.

Issa, il-membri tal-Partit Laburista qed jgħidu li l-partit qed jitratthom ta’ boloh meta jipprova jiċħad il-fatti ċari u ċ-chats li żvela dan is-sit ilbieraħ filgħaxija.

Delegat ieħor tal-Lejber saħaq illi dawn il-provi juru kemm fl-elezzjoni tal-leadership “kollox orkestrat”.

Ilbieraħ, id-deputat Robert Abela stqarr li hu jħossu li f’din l-elezzjoni qed jaħdem kontra l-kurrent.