Internazzjonali

Iħabbru li se jieħdu pass lura mill-familja Rjali

Id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex ħabbru li se jagħmlu pass lura mill-familja rjali u se jaħdmu biex isiru finanzjarjament indipendenti. 

Fi stqarrija, il-Prinċep Harry u Meghan qalu wkoll li huma qed jippjanaw li jaqsmu l-ħin tagħhom bejn ir-Renju Unit u l-Amerka.

L-ebda rjali oħra – inkluż ir-Reġina jew il-Princep William – ma ġew ikkonsultati qabel ma ttieħdet din id-deċiżjoni. Dan hekk kif Buckingham Palace jinsab diżappuntat b’din il-mossa.

F’Ottubru li għadda, il-Prinċep Harry u Meghan pubblikament żvelaw in-nuqqas ta’ qbil li kien qed ikollhom mal-familja Rjali. Fid-dikjarazzjoni tagħhom il-koppja qalet li għamlet din id-deċiżjoni wara ħafna xhur ta’ riflessjoni u diskussjonijiet interni.

Huma saħqu li qed jippjanaw għal bilanċ tal-ħin tagħhom bejn ir-Renju Unit u l-Amerka filwaqt li se jkomplu jonoraw id-dmir tagħhom lejn ir-Reġina.

Qalu li dan il-bilanċ ġeografiku se jippermettilhom li jrabbu lil binhom f’apprezzament għal tradizzjoni rjali li fih twieled, filwaqt li jipprovdu wkoll spazju għall-familja tagħhom biex tiffoka fuq il-kapitlu li jmiss f’ħajjithom, inkluż it-tnedija ta’ entità karitattiva ġdida tagħhom.