Għawdex Lokali

Il-Gvern joħroġ questionnaire dwar il-proġett tal-mina

Fil-pjan ma hemm l-ebda ħsieb li jsir xi forma ta' tramm jew metro bħala parti minn din il-mina

Infrastructure Malta qed tistieden lil kumpaniji u konsorzji interessati biex jipparteċipaw fl-ewwel stadju minn tlieta tal-proċess li għandu jwassal biex jintgħażel il-kunċessjonarju li ser jiddisinja, jibni, jiffinanzja, jopera u jieħu ħsieb il-Mina bejn Malta u Għawdex.

L-offerrenti prospettivi għandhom tliet xhur żmien, sal-Ħamis 9 t’April 2020, biex iwieġbu l-pre-qualification questionnaire (PQQ) li permezz tiegħu juru li diġà għandhom eseperjenza fil-bini ta’ mini simili, li għandhom rekord tajjeb fl-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll li għandhom il-kapaċità teknika u finanzjarja biex iwettqu dan il-proġett b’suċċess.

Is-sejħa internazzjonali għal dan il-PQQ saret aktar kmieni din il-ġimgħa fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-dokumentazzjoni kollha relevanti u l-formola biex il-kumpaniji jew konsorzji jissottomettu l-interess tagħhom jinsabu fuq il-pjattaforma tal-Gvern għall-proċessi tal-akkwisti (procurement) pubbliċi.

Il-Proġett tal-Mina bejn Malta u Għawdex jinkludi l-bini ta’ mina twila 14-il kilometru, parti minnha taħt il-baħar, li jkollha żewġ korsiji għall-vetturi, waħda f’kull direzzjoni, bi spazju bejniethom li jkun wiesgħa biżżejjed għall-inġenji t’emerġenza.

Skont il-Gvern, fil-pjan ma hemm l-ebda ħsieb li jsir xi forma ta’ tramm jew metro bħala parti minn din il-mina.

Permezz tal-proċess li ġie varat din il-ġimgħa, Infrastructure Malta qed tfittex li tidentifika kumpanija jew konsorzju biex jibnu u joperaw il-mina għal żmien definit. It-tul tal-konċessjoni jiġi determinat fl-istadji finali ta’ dan il-proess.

Fi tmiem il-konċessjoni, il-kunċessjonarju jrid jgħaddi l- infrastruttura tal-mina lill-Gvern.

Il-PQQ jindika wkoll li l-għażla preferuta tal-Gvern hija li dan il-proġett ikun iffinanzjat mingħajr ebda garanziji jew sussidji. F’dan l-istadju mhux qed jintalbu dettalji dwar kemm se jkunu n-nollijiet jew ħlasijiet oħrajn għal dawk li jużaw il-mina. Dawn jiġu determinati fl-istadju finali fejn l-offerenti jintalbu jispeċifikaw fid-dettal l-offerti finanzjarji tal-proposti tagħhom.

L-ippjanar tal-Proġett tal-Mina bejn Malta u Għawdex beda diversi snin ilu meta Transport Malta kienet varat diversi studji tekniċi, soċjali u ekonomiċi dwar il-vijabilità tal-proġett. Infrastructure Malta ġiet fdata b’dan il-proġett malli twaqqfet fl-2018.