Lokali

Il-mobile ta’ Schembri ntefa ftit tal-ħin qabel ma ġie arrestat

Ritratt: Matthew Tabone

Żvelat illi l-mobile ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff ta’ Muscat, ntefa ftit tal-ħin qabel ma ġie arrestat… eżattament siegħa u nofs qabel.

Skont it-Times, mill-investigazzjonijiet li saru ġie stabbilit li l-mobile ta’ Schembri ntefa’ għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu nhar is-26 ta’ Novembru. Minn dakinhar ‘l hawn il-mobile qatt ma reġa’ ntuża. Fl-istess jum huwa kien imsejjaħ id-Depot għall-ħabta tas-6.30 ta’ filgħodu.

Dak iż-żmien l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat kien qal lill-investigaturi li kien tilef il-mobile. Dikjarazzjoni li ma tantx niżlet tajjeb mal-istess investigaturi.

Is-sorsi li tkellmu mat-Times qalu li l-investigaturi kienu ġabru data tal-mobile mill-operaturi lokali biex jistabbilixxu meta u fejn il-mobile ta’ Schembri deher l-aħħar fuq in-network tat-telekomunikazzjoni ta’ pajjiżna.

Sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qalu li l-mobile intuża l-aħħar biex jgħaddi data permezz tal-internet, dan filwaqt li l-aħħar telefonata saret lejliet, nhar il-25 ta’ Novembru. Jidher li l-Pulizija għadhom qed jipprovaw jikklownjaw il-mobile ta’ Keith Schembri.

Mistoqsijiet li ntbagħtu mit-Times lill-Pulizija f’dan ir-rigward baqgħu ma ġewx imwieġba filwaqt li l-istess Schembri ma riedx jikkummenta.

Il-mobile personali ta’ Keith Schembri huwa ta’ interess partikolari għall-awtoritajiet, minħabba l-fatt li huwa maħsub li fih hemm korrespondenza intima mas-suspettat komplici fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia,Yorgen Fenech.