Internazzjonali

Il-Papa jappella biex l-Istati Uniti u l-Iran jirritornaw għad-djalogu…

I

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ biex l-Istati Uniti u l-Iran jevitaw eskalazzjoni tas-sitwazzjoni ostili u biex huma jeżerċitaw il-kontroll filwaqt li jfittxu t-triq tad-djalogu li jbiegħed il-periklu ta’ konflitt akbar fil-Lvant Nofsani.

Il-Papa għamel dan l-appell – li kien anki l-ewwel kumment dirett tiegħu dwar il-kriżi tal-Iran – waqt diskors annwali, magħruf bħala ‘l-Istat tad-Dinja’ — lill-ambaxxaturi akkreditati mal-Vatikan.

Id-diskors tal-Papa fis-Sala Regia tal-Vatikan dam għal 50 minuta u matulha, il-Kap tal-Kattoliċi analizza l-ħafna punti negattivi tas-sena li għaddiet fost l-enfasi dwar il-gwerer, il-fenomenu tal-global warming, ix-xenofobija lejn l-immigranti u l-periklu tal-armi nukleari.

‘Ta inkwiet partikulari huma s-sinjali li ġejjin mir-reġjun tal-Lvant Nofsani wara li rrankat it-tensjoni bejn l-Iran u l-Istati Uniti’, tenna l-Papa waqt li kien qed jindirizza lid-diplomati li kienu ġejjin minn aktar minn 180 pajjiż.

Il-Kap tal-Kattoliċi wissa li t-tensjoni f’dak ir-reġjun qed tissogra li ‘tikkomprometti l-proċess gradwali għall-bini tal-Iraq mill-ġdid’ minbarra li twitti t-triq ‘għal konflitt aktar mifrux li kulħadd jixtieq li jevita’. Għaldaqstant, hu enfasizza l-appell għal djalogu u ‘s-sens ta’ kontroll’ mill-pajjiżi kkonċernati, b’rispett sħiħ għal-liġi internazzjonali.

L-aħħar tensjoni fil-Lvant Nofsani x’aktarx li għamlitha impossibbli għall-Papa Franġisku biex iżur lill-Iraq u wara li hu esprima x-xewqa li jmur hemmhekk, din is-sena.