Dikjarazzjoni cara minn Adrian Delia – il-Gvern Laburista kien jaf li f’Malta hawn għaqda ta’ kriminali li ħatfu l-Partit Laburista biex ħataf il-poter u baqa’ jagħmel il-kriminalità bil-protezzjoni tal-istess Gvern.
Meta kien il-misieden ta’ Louise Tedesco waqt il-programm ‘Fid-Dettall’, il-Kap tal-PN sostna li kien fid-dover tiegħu li jiġġieled sal-aħħar biex ir-rapport tal-inkjesta Egrant ikun ippubblikat. Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna l-Qorti Kostituzzjonali tal-Appell iddikjarat li l-Avukat Ġenerali kiser il-kostituzzjoni; l-istess kostituzzjoni li suppost qiegħed hemm biex jipproteġiha.
Waqt li ninsabu fl-aħħar jiem fit-tellieqa għal min se jiehu post Joseph Muscat, Adrian Delia qal li ż-żewġ kandidati prattikament ma qalulna xejn ġdid… ma tawna l-ebda serħan tal-moħħ li l-affarjiet f’pajjiżna se jinbidlu. L-unika ħaġa li għamlu kienet li kkuppjaw l-proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fir-rigward ta’ Karl Cini, il-Pulizija għandha l-obbligu li tagħmel xogħlha. Dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa Adrian Delia ressaq denunzja lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex immedjatament jinvestigat lil Karl Cini ta’ Nexia BT. Fir-rapport tal-inkjesta Egrant ħareġ biċ-ċar li prima facie jista’ jkun hemm ġurament falz min-naħa ta’ Karl Cini.
Adrian Delia temm l-intervista billi qal li l-Partit Nazzjonalista huwa Gvern alternattiv għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
//= $special ?>