Lokali

Il-poplu qed jistenna li tittieħed azzjoni kontra s-sid tal-vapur li kkawża l-ħsara fl-interconnector

Wara pressjoni mill-Oppozizzjoni u mill-imsieħba soċjali, u wara iktar minn ġimgħa ta’ stennija, l-Gvern Laburista qal li hemm assikurazzjoni li għandha tagħmel tajjeb għall-ħsara li saret minn terzi fl-interconnector. Dan huwa tajjeb u għandna naraw li jseħħ.

Fi stqarrija maħruġa mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma David Agius, il-Partit Nazzjonalista saħaq li sfortunatament, il-Gvern Laburista għadu jevita milli jwieġeb dwar jekk ittieħdux passi kontra s-sid tal-vapur li kkawża din il-ħsara. Grazzi għat-teknoloġija moderna, huwa possibbli li wieħed jidentifika liema kien il-vapur ġaladarba nafu l-ġurnata u l-ħin li fih sar l-inċident. Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni tistaqsi f’isem il-poplu x’passi ħa l-Gvern Laburista kontra min għamel il-ħsara u għaliex isem il-vapur qed jinżamm mistur. Din l-informazzjoni għandha tkun pubblika sabiex il-poplu jkun mgħarraf bil-fatti kollha.

Diġà kien moħbi lill-poplu li xi ħadd kien se jdaħħal €5,000 kuljum għal tmintax-il sena sħaħ mill-proġett tal-Gvern Laburista magħruf bħala “l-monument tal-korruzzjoni”. Il-Gvern Laburista għandu jieqaf jaħbi l-fatti lill-poplu.

Jekk dan mhux lest jagħmlu l-Prim Ministru caretaker, l-Oppożizzjoni tappella lill-Viċi Prim Ministru Chris Fearne sabiex jippubblika l-fatti u jgħid il-verità lill-poplu Malti. Jekk Chris Fearne ma jagħmilx dan allura nistennew li Robert Abela, l-kandidat aspirant għall-Prim Ministru, jesiġi hu li dan isir.