Internazzjonali

In-nirien fl-Awstralja: L-Istat ta’ Victoria jestendi ‘is-sitwazzjoni ta’ diżastru’

L-Istat ta’ Victoria mill-ġdid iddikjara ‘sitwazzjoni ta’ diżastru’ fost stennija għal kundizzjonijiet ‘perikolużi u dinamiċi’ f’zona ddominata min-nirien qalb foresta.

Minkejja li l-kriżi tal-bushfires ilha għaddejja minn Settembru madwar l-Awstralja, hu biss issa li l-Istat ta’ Victoria (lejn ix-xlokk ta’ dan il-pajjiż) qed jiffaċċja żmien ikkunsidrat bħala ‘l-agħar għall-inċidenza ta’ nirien’.

S’issa, in-nirien kbar qerdu diġà mal-1.2 miljun ettari fl-inħawi ta’ Victoria u fejn mietu tal-anqas tliet persuni. Dan meta ċ-ċifra ta’ mejtin mill-aħħar ġimgħat ta’ nirien madwar l-Awstralja hi konfermata mas-27.

Sadattant, l-eqqel tal-periklu ġdid min-nirien għall-Istat ta’ Victoria kien imbassar għal tmiem il-ġimgħa, minħabba s-sħana tiżreġ u l-elementi tal-klima imprevedibbli.

Hi ħaġa rari li l-Istat inkwistjoni jgħaddi minn daqstant attività kmieni qabel jaħkem sew ‘l-istaġun tan-nirien’ iżda r-reazzjoni mill-awtoritajiet ta’ Victoria – minkejja l-periklu kbir — qed tidher ukoll bħala waħda koordinata u anki effettiva.

Madankollu, l-awtoritajiet ta’ Victoria ħeġġew biex in-nies jitilqu mill-aktar fis mir-reġjuni Alpini u tal-Lvant – fosthom l-inħawi ta’ East Gippsland. Dan fost tbassir li t-temperaturi se jitilgħu għal aktar minn 41 grad Celsius u li, ’il quddiem, iqumu l-irwiefen perikolużi u waqtiet ta’ maltemp mingħajr xita.

Dawn il-kundizzjonijiet ‘dinamiċi’ mistennija jixprunaw in-nirien attwali waqt li jqabbdu oħrajn. L-awtoritajiet qed jinkwetaw ukoll li nar kbir partikulari kapaċi ‘jingħaqad’ ma’ nar ieħor f’New South Wales fejn jifforma hekk imsejjaħ mega blaze’– jew ħajt ta’ fjammi enormi li jaf jirriżulta bħala inkontrollabbli.

Sadattant kien hemm ukoll twissijiet ġodda għall-Istati ta’ South Australia u New South Wales fejn in-nirien qalb l-aħrax qed ikomplu jipperikolaw il-ħajja.

Il-Bureau tal-Meteoroloġija qal li l-Awstralja, fl-2019, għaddiet mill-aktar sena sħuna, u mill-agħar perjodu ta’ nixfa, minħabba l-fenomeni tat-temp speċifiċi u l-bidliet fil-klima.