Lokali

Ir-residenti u l-bdiewa affetwati mill-Proġett tac-Central Link u mormija mill-Gvern Laburista

Il-Gvern Laburista ħabbar li beda x-xogħol fuq il-proġett tas-Central Link mingħajr ma stenna l-eżitu tal-appell li hemm kontra dan il-proġett. Dan meta r-residenti u l-bdiewa nvoluti appellaw mid-deċiżjonijiet li jippermettu li dan il-proġett isir. Il-Gvern Laburista għażel li jgħaddi romblu minn fuq in-nies sew jekk huma residenti kif ukoll jekk bdiewa li se jkunu qegħdin jitilfu r-raba tagħhom.

Fi stqarrija maħruġa mid-Deputati Nazzjonalisti David Agius, Jason Azzopardi, Toni Bezzina, Marthese Portelli u Edwin Vassallo, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern Laburista beda numru ta’ proġetti ta’ toroq bla ma kellu l-permessi meħtieġa. Minflok għandna Gvern li jaghti ezempju, pajjiżna spiċċa f’sitwazzjoni fejn il-Gvern iħossu `l fuq mil-liġi u għalhekk jagħmel dak li jrid.

Fid-dawl ta’ dan kollu, ż-żewġ kandidati għal Prim Ministru u Mexxej Laburista għandhom minnufih jaraw li dawn ix-xogħlijiet jieqfu sakemm jintemm l-appell li hemm pendenti fuq dan il-proġett. Dan anke għall-fatt  illi minflok il-Gvern jinvesti f’mezzi alternattivi ta’ trasport li jnaqqsu t-tniġġis tal-ambjent ta’ madwarna, qed jibqa’ għaddej bl-attitudni li jtellef lill-ġenerazzjonijiet futuri mit-tgawdija ta’ siġar u r-raba u għalhekk aktar arja nadifa. Dan meta ż-żieda fit-tniġġis tal-arja f’ pajjiżna diġà hija l-ogħla fl-Ewropa. Iż-żmien li l-Gvern juża l-forza maż-żgħir u li jgħaddi romblu minn fuq in-nies irid jieqaf darba għal dejjem.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jsegwi x’qed iseħħ u se jibqa’ jżomm lill-Gvern Laburista responsabbli tad-danni li qed jikkawża lill-ambjent u liċ-ċittadini tort ta’ deċiżjonijiet ħżiena li qed jippersisti li jibqa’ jieħu. Iż-żewġ kanndidati għal kariga ta’ Prim Ministru u Mexxej Laburista Chris Fearne u Robert Abela għandhom jaraw li dawn ix-xogħlijiet jieqfu sakemm ikun hemm id-deċiżjoni tal-Appell. In-nuqqas ta’ dan ikun ifisser li Gvern Laburista mmexxi minnhom se jibqa’ jgħaddi romblu minn fuq in-nies kif kien jagħmel Joseph Muscat.