Internazzjonali

It-traġedja tal-ajruplan Ukren fl-Iran: Il-Boeing kien qed jipprova jirritorna lejn l-ajruport meta ġġarraf

L-investigaturi fl-Iran qed jgħidu li l-ajruplan Boeing 737-800 li ġġarraf f’nofs il-ġimgħa bejn l-ibliet ta’ Parand u Shahria b’176 persuna abbord, kien qed jipprova jirritorna lejn l-ajruport ta’ Imam Khomeini, f’Tehran, fil-ħin meta nqered. It-traġedja seħħet minuti biss wara li l-ajruplan kien telaq minn dan l-ajruport b’ħadd ma jsalva fost in-nies ta’ fuqu.

L-investigazzjonijiet inizjali sabu li l-ajruplan – tal-Ukraine International Airlines – inqalgħulu l-problemi waqt li kien tielaq miz-zona tal-ajruport u meta, dak il-ħin, parti minnu kienet spiċċat maħkuma min-nirien.

It-tiġrif tal-Boeing seħħ sigħat biss wara li l-Iran spara sensiela ta’ missili lejn żewġ bażijiet tal-qawwiet Amerikani fl-Iraq, fost it-tensjoni akuta madwar ir-reġjun. Intant, m’hemm l-ebda provi konkreti li ż-żewġ inċidenti kienu marbuta ma’ xulxin inkella li l-ajruplan  twaqqa’ bi żball b’kaġun ta’ missila.

Madankollu, Oleksiy Danylov, is-segretarju tal-kunsill tas-sigurtà tal-Ukrajna, qal li l-investigaturi riedu jfittxu għall-possibbiltà ta’ ‘fdalijiet ta’ missila’ fis-sit fejn iġġarraf l-ajruplan. Dan meta magħruf li l-Iran għandu s-sistemi tal-missili (għal difiża) ta’ manifattura Russa.

Fl-istess ħin, u waqt dawn iż-żmenijiet ta’ tensjoni kbira bejn l-Iran u l-Istati Uniti, l-awtoritajiet f’Tehran  kienu qed jirrifjutaw li jgħaddu l-kaxxi s-suwed (flight recorders) tal-ajruplan imġarraf lill-kumpanija Boeing inkella lill-awtoritajiet Amerikani.

F’dawn iċ-ċirkustanzi – u skont ir-regoli globali għas-settur tal-avjazzjoni – l-Iran għandu d-dritt li jmexxi l-investigazzjonijiet. Iżda hu minnu wkoll li l-manifatturi ta’ ajruplan meqrud b’dan il-mod, is-soltu, ikollhom sehem f’inkjesti ta’ dan it-tip.

Is-sorsi fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Iran qalu li l-ajruplan Ukren, fil-bidu tat-titjira, kien qabad direzzjoni lejn il-Punent biex iħalli z-zona tal-ajruport (f’Tehran) iżda, imbagħad, reġa’ dar minħabba li nqalgħetlu problema u kien qed jirritorna lura lejn l-ajruport fil-mument tat-tiġrif.

Dan waqt li n-nies qalu li raw ‘in-nirien’ ħiereġ mill-ajruplan qabel iġġarraf u meta l-piloti tal-Boeing ma għamlu l-ebda kuntatti ta’ emerġenza mal-awtoritajiet fl-ajruport ta’ Imam Khomeini.

Sadattant, it-tagħrif inizjali dwar it-tiġrif intbagħat lill-Ukrajna u lill-Istati Uniti, fejn il-kumpanija Boeing għandha l-kwartieri. L-informazzjoni ntbagħtet ukoll lill-Iżvezja u l-Kanada li tilfu diversi ċittadini f’din it-traġedja.

Fil-preżent, il-kunsill tas-sigurtà tal-Ukrajna qed jeżamina numru ta’ raġunijiet li setgħu wasslu għat-tiġrif tal-ajruplan u li jvarjaw minn attakk potenzjali b’missila sa ‘ħabta ma’ xi ħaġa fl-ajru’; splużjoni fil-magna inkella splużjoni fl-ajruplan dovut għal attakk terroristiku.Sadattant, l-Ukrajna ddikjarat il-ġurnata tal-bieraħ bħala Jum ta’ Luttu Nazzjonali.