Lokali Qorti

Negozjant Sqalli estradit lejn l-Italja wara li t-Tribunal ta’ Reggio waqqa’ l-akkuża li jagħmel parti mill-mafja

Negozjant Sqalli aċċetta minn jeddu li jiġi estradit lejn l-Italja wara li l-Qorti ta’ Reggio Calabria waqqgħet l-akkużi fil-konfront tiegħu – li huwa jagħmel parti minn organiżazzjoni Mafjuża.

Il-Qorti f’Malta kienet ordnat li jiġi estradit lejn pajjiżu biex jiffaċċa l-ġustizzja iżda huwa kien appella mill-każ bis-sentenza fil-konfront tiegħu kienet se tingħata nhar il-Ħamis, 16 ta’ Jannar li ġej.

Antonio Ricci ta’ 43 sena, li f’Malta kien residenti s-Swieqi kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija Taljana, li għamlet talba għall-estradizzjoni tiegħu minn Malta.

Permezz tal-Avukati tiegħu Franco Debono, Arthur Azzopardi u Stephen Tonna Lowell u Amadeus Cachia huwa minn dejjem ċaħad li għandu xi konnessjoni Mafjuża.

Ricci kien ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 10 snin flimkien ma’ martu u wliedu. L-aħħar seduta tal-appell fil-konfront tiegħu kienet saret lejliet l-Ewwel tas-Sena.

Fil-Qorti ġiet ippreżentata nota quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li Ricci kien lest jiġi estradit peress li l-akkużi dwar il-konnessjonijiet tiegħu mal-MAFIA waqgħu mill-Qorti Taljana. Għalhekk huwa se jiffaċċa biss akkużi fuq konfoffa kriminali.

Qabel ma ġiet ippreżentata n-nota l-Avukat Arthur Azzopardi qal li d-difiża riedet tkun ċerta mhux100% iżda 300%, fuq il-każ. “Issa li uffiċjalment ġew irtirati l-akkużi fuq konnessjonijiet Mafjużi – allura .mhemmx għalfejn li l-kawża tkompli,” qal l-Avukat

Il-Pulizija Taljana kienet allegat li Ricci kien jagħmel parti minn organiżazzjoni ta’ logħob klandestin ta’ natura kbira fejn kienu wkoll issemmew biljuni ta’ Ewro.

Aktar minn sena ilu fl-Italja kienu ġew maqbuda madwar biljun ewro f’logħob sportiv permezz ta’ ħasil ta’ flus. Ħafna mill-frodi li allegatament wettaq Ricci kienu fuq logħob klandestin “online” u tant kemm il-firxa f’dan il-logħob hija kbira li f’Novembru li għadda fl-Italja, b’rabta ma’ dan il-każ kienu arrestati 68 persuna.

F’operazzjoni mifruxa mal-Italja kollha, il-Pulizija ta’ kontra l-Mafia kienu wettqu tfittxijiet kbar madwar il-pajjiż, mill-inqas 80 tfittxija. Dan il-logħob klandestin kien instab mill-Guardia di Finanza mgħejjun mill-Pulizija Taljana.

Investigaturi Taljani qalu li gruppi kriminali kienu qed jużaw metodi Mafjużi biex jinfiltraw logħob illegali. Ħafna mill-investigazzjonijiet saru f’Bari u allegatament kienu mmexxija mill-Kap Mafjuż Vito Martiradonna.

It-talba għall-ħruġ ta’mandat ta’ arrest ħarġet mill-Qorti ta’ Reggio Calabria. Madankollu uffiċjalment ħareġ li Ricci qatt ma kellu konnessjonijiet Mafjużi – l-aktar reat li kellu portata fil-konfront tiegħu.