Internazzjonali

L-Iran kien qed jippjana sensiela ta’ attakki ‘f’każ ta’ reazzjoni mill-Amerikani’

Kmandant ewlieni mal-qawwiet tal-Iran qal li l-attakki bil-missili fuq il-bażijiet tal-qawwiet Amerikani fl-Iraq setgħu żvolġew bħala ‘sempliċi’ bidu ta’ offensiva kbira madwar ir-reġjun, li kieku l-Amerikani rritaljaw għall-isparatura.

Skont Amir Ali Hajizadeh– li kien qed jispjega ‘iċ-ċirkustanzi tat-tweġiba mill-Iran’ għall-qtil, jiem ilu, tal-Ġeneral Iranjan Qasem Soleimani — l-unika tpattija xierqa ‘lill-qattiela Amerikani tiegħu’ għandha tasal bit-tkeċċija tal-qawwiet tal-Istati Uniti mil-Lvant Nofsani.

Hajizadeh hu Brigadier-Ġeneral mal-Gwardja Rivoluzzjonarja f’Tehran u, fl-aħħar ħinijiet, spjega li l-Iran kien lest biex jispara mijiet jew anki eluf ta’ missili lejn il-qawwiet tal-Amerikani fl-Iraq. Dan meta, fil-verità, kienu sparati anqas minn 20 missila u fejn ħadd ma tilef ħajtu.

L-uffiċjal Iranjan qal li l-intenzjoni ma kenitx li jinqatlu s-suldati Amerikani ‘iżda l-ippjanar wara l-azzjoni seta’ ippermetta biex imutu talanqas 500 ( suldat) mal-ewwel fażi, li kieku l-Istati Uniti rritaljat għal dik l-isparatura’.

Hajizadeh sostna li l-Iran kien qed jaħseb għal konfront mal-Amerikani li seta’ dam għaddej minn tlett ijiem sa ġimgħa. Dan meta l-qawwiet Iranjani ‘kienu preparaw ftit eluf ta’ missili għal dawn iċ-ċirkustanzi’.