Edukazzjoni Kultura Lokali

L-istudenti Lasalljani bl-aħħar preparamenti

Mistennija attendenza ta' aktar minn elf ruħ.

Bit-tema ‘To Die For’, għal darb’oħra l-kunsill studentesk tal-Kulleġġ ta’ De La Salle, qed jorganizza l-produzzjoni Lasallian Nights bil-parteċipazzjoni esklussiva tal-istudenti tal-post-sekondarja li jattendu l-istess kulleġġ.

It-tema misterjuża, li tinbidel kull sena, tinvolvi storja dwar qtil li jseħħ fuq ferrovija fil-bidu tas-seklu 20.

Din il-ġimgħa kienet waħda impenjattiva għall-istudenti illi kellhom jagħmlu l-aħħar tħejjijiet sabiex is-serati jilħqu l-livell illi ntlaħaq fis-snin ta’ qabel.

L-istudenti waqt waħda mir-rehearsals

Il-produzzjoni jkollha storja prinċipali li tibqa’ għaddejja tul is-serata, u jkollha wkoll xeni ta’ żfin, reċtar u kant fost it-talenti partikolari tal-istudenti.

Dawn l-istess preparamenti jibdew minn xhur qabel, bl-istudenti jinqasmu f’sotto-kumitati li jieħdu ħsieb sezzjonijiet partikolari tal-produzzjoni, fost oħrajn dawk li jieħdu ħsieb l-iżfin, il-mużika, u l-arti.

Il-produzzjoni ser tkun qed tittella’ fi tmiem din il-ġimgħa, mill-Ġimgħa sal-Ħadd, b’numru kbir ta’ nies mistennija jimlew is-sala tal-kulleġġ.

Il-biljetti biex wieħed ikun jista’ jattendi jistgħu jinxtraw mis-sit https://www.lasalliannights.org/tickets.html