Sport Waterpolo

Magħżula l-iskwadra finali li sejra Budapest għall-Kampjonat Ewropew tal-Waterpolo

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo, sejjaħ l-iskwadra finali ta’ 13-il plejer li se tikkompeti fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew tal-Waterpolo li se jsir f’Budapest. Mill-aħħar edizzjoni f’Barcelona f’Lulju tal-2018, hemm għaxar plejers li żammew posthom, bl-uniċi bidliet ikunu Alan Borg Cole, Gabriel Pace u Darren Zammit flok Jake Tanti, Nicholas Bugelli u Michael Spiteri Staines rispettivament.

Karl Izzo jemmen li l-aktar deċiżjoni diffiċli għalih kienet biex jagħżel il-gowlkipers minħabba li hemm ftit differenza, iżda l-kampjonat mill-aqwa li kellu Alan Borg Cole fil-lasta ta’ Neptunes, kienet fattur determinanti. Fl-għażla jispikka wkoll il-fatt li hemm xellugi wieħed. Mistoqsi dwar dan il-fatt, Izzo qal li plejers bħal Andreas Galea jilagħbu tajjeb fuq in-naħa leminija tal-pitch, minbarra Matthew Zammit li se jkun qed jilgħab għal ħafna ħin.

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-kowċ nazzjonali jemmen li din hi l-aktar darba li kellhom preparazzjoni tajba għall-Kampjonat Ewropew. Hu kompla jikkonferma li għat-tim Malti hu aħjar li l-Kampjonat isir fix-xitwa milli fis-sajf. Il-plejers Maltin ilhom minn Ottubru li bdew il-preparazzjoni b’taħriġ fil-gym. F’Novembru l-plejers bdew jitħarrġu fl-ilma fejn anki kellhom l-opportunità li jilagħbu kontra t-timijiet nazzjonali ta’ taħt l-20 sena tas-Serbja u l-Italja kif ukoll it-tim Taljan ta’ taħt id-19-il sena.

F’pajjiżna kien hawn ukoll it-tim ta’ Palermo filwaqt li f’dawn il-jiem jinsabu f’pajjiżna Ortigia li qed jilagħbu partiti ta’ ħbiberija. Izzo kellu kliem ta’ ringrazzjament għall-assoċjazzjoni li tawh dak kollu possibbli. Il-mira prinċipali hi r-rebħa kontra t-Turkija li tiggarantixxi post mal-ewwel 12 fil-Kampjonat Ewropew. “Konvint li huma għamlu progress imma aħna wkoll,” kompla Izzo.

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran saħaq li l-għan f’dan il-Kampjonat Ewropew hu li Malta tavvanza fil-klassifika tal-aqwa nazzjonijiet. Il-fatt li Malta reġgħet ikkwalifikat għal din il-fażi, tista’ tittieħed bħala normalità. Mistoqsi dwar dan il-fatt, Caruana Curran qal li “mhux qed inħoss pressjoni mill-pubbliku Malti imma għandi xewqa li jkun rikonoxxut it-titjib li sar.”

Il-captain tat-tim nazzjonali Stevie Camilleri qal din id-darba, it-tim kellu aktar preparazzjoni u ta’ vantaġġ żgur kien li l-ispirtu fit-tim seta’ jikber. Matthew Zammit li hu wieħed mill-plejers ta’ esperjenza, qal li f’dan ix-xahar tħarrġu tajjeb u l-esperjenza taż-żgħażagħ fl-aħħar edizzjoni se tgħin biex it-tim jimmatura aktar.

(Ritratt: Matthew Tabone)

L-iskwadra finali

Nicky Grixti (Sirens), Jerome Gabarretta (Sliema), Andreas Galea (San Ġiljan), Gabriel Pace (Neptunes), Darren Zammit (San Ġiljan), Matthew Zammit (San Ġiljan), Stevie Camilleri (Neptunes), Jordan Camilleri (Neptunes), Jeremy Abela (Neptunes), Aurelien Cousin (Exiles), Ben Plumpton (San Ġiljan), Dino Zammit (San Ġiljan), Alan Borg Cole (Neptunes)

Il-logħob ta’ Malta fi Grupp Ċ

It-Tlieta 14 ta’ Jannar: Malta v Spanja 1.00pm

Il-Ħamis 16 ta’ Jannar: Malta v Turkija 11.30am

Is-Sibt 18 ta’ Jannar: Malta v Ungerija 7.00pm