Sport Waterpolo

Għamilna iktar minn dak kollu possibbli – Joe Caruana Curran, President tal-ASA

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran jemmen li bir-riżorsi li għandha l-Aquatic Sports Association, għamlu dak kollu possibbli biex it-tim nazzjonali Malti jkun preparat biex jikkompeti fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew tal-Waterpolo f’Budapest. Malta tinsab fi Grupp Ċ flimkien ma’ Spanja, l-Ungerija u t-Turkija.

Hu semma kif ix-xewqat tal-kowċ nazzjonali Karl Izzo ntlaħqu, b’kampijiet ta’ taħriġ barra l-pajjiż u stediniet lil timijiet barranin f’pajjiżna. Din hi t-tielet darba konsekuttiva li t-tim nazzjonali kkwalifika biex jilgħab fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew wara l-parteċipazzjoni fl-2016 fil-kapitali tas-Serbja Belgrad u fl-2018 f’Barcelona fi Spanja.

Caruana Curran ilu President tal-ASA mill-2010 u minn dakinhar sar titjib speċjalment fil-kategoriji kollha tat-timijiet nazzjonali. Minbarra t-tliet parteċipazzjonijiet tat-tim nazzjonali tal-kbar, tispikka wkoll it-12-il post miksub mit-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena waqt il-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew.