Rapport mill-istampa Amerikana qed jgħid li l-Iran ‘waqqa’ bi żball’ l-ajruplan tal-Ukrajna li ġġarraf nhar l-Erbgħa ‘il hinn minn Tehran, b’176 abbord u li ma salva ħadd minnhom.
L-istazzjon CBS qal li l-uffiċjali Amerikani ‘jemmnu’ li l-ajruplan Boeing 737-800 tal-Ukraine International Airlines kien intlaqat minn missila. L-Ukrajna, qabel, qalet li kienet qed tinvestiga jekk l-ajruplan setax twaqqa’ minn missila u meta l-Iran kien qed jiċħad għall-possibbiltà.
It-tiġrif tal-ajruplan seħħ sigħat wara li l-Iran kien spara missili lejn bażijiet tal-ajru fl-Iraq li qed iservu bħala ċentri għall-qawwiet tal-Istati Uniti . Din l-isparatura seħħet b’ritaljazzjoni għall-qtil, jiem ilu, tal-Ġeneral Iranjan, Qasem Soleimani, minn drone tal-Amerikani.
Issa, is-CBS News, li kien qed jikkwota informazzjoni sigrieta tal-Istati Uniti, qal li satellita indikat ‘id-dwal ta’ lewn infrared’ minn żewġ sparaturi ta’ missili — l-istess bħall-‘blip’ ta’ splużjoni.
Sadanittant, in-Newsweek ikkwota lill-Pentagon ta’ Washington u s-sorsi sigrieti Iraqqin li esprimew ‘it-twemmin’ li l-ajruplan Ukren kien intlaqat minn missila Tor ta’ manifattura Russa.
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li ‘għandu s-suspetti dwar x’wassal għall-qerda tal-ajruplan’ u żied li ‘xi ħadd seta’ wettaq żball traġiku’.
//= $special ?>