Lokali Qorti

20 persuna titressaq il-Qorti b’rabta mar-rewwixta fiċ-ċentru tal-immigranti fil-Marsa

Għoxrin persuna tressqu l-Qorti b’rabta mar-rewwixta ta’ nhar il-Erbgħa li għaddew fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa. Il-persuni li ġejjin minn pajjiżi differenti ġew akkużati huma kollha irġiel, fejn ħamsa minnhom huma taħt l-eta, u dawn tressqu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.

L-akkużati huma mill-Guinea, is-Somalja, il-Kosta tal-Avorju, il-Mali, in-Niġerja, il-Gambja, is-Sudan, is-Senegal u Bangladesh, twasslu bil-vann tal-Pulizija u ddaħħlu minn naħa ta’ quddiem tal-bini tal-Qorti.

Kienu l-Ispetturi Sarah Zerafa u Paul Camilleri li ressqu lill-irġiel il-Qorti u akkużawhom bi ħsarat ta’ natura kriminali, li ffurmaw parti minn grupp illegali ta’ nies bil-ħsieb li jwettqu atti kriminali, li ma obdewx ordnijiet leġittimi u li kisru l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

Skont il-Pulizija numru ta’ immigranti li jgħixu fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa, u li fih jgħixu madwar 400 immigranti, kienu bdew ir-rewwixti fit-8 ta’ Jannar fid-dormitorju, fejn in-nar nfirex mal-kamra kollha.

Il-Pulizija marru fil-post għall-ħabta tas-1:00 p.m u bl-għajnuna ta’ uffiċjali taċ-ċentru, l-immigranti spiċċaw evakwati mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili. Ħdax-il ħaddiem u tliet immigranti ngħataw l-għajnuna medika fuq il-post wara li belgħu ħafna duħħan.

L-immigranti kienu rrabjati għax ma ngħatawx il-libertà mill-Initial Reception Centre u sussegwentement bdew jheddu li kienu se jagħtu n-nar lill-post. Erbgħa minn dawn biss kienu akkużati li kkawżaw in-nirien. L-irġiel ma talbux il-ħelsien mill-arrest.

Sadanittant 16-il persuna ġew akkużati bl-istess akkużi imma mhux li taw in-nar. 12 minnhom dawn wieġbu li mhumiex ħatja, filwaqt li erbgħa oħra ammettew il-ħtija kontrihom.