Ħadd ma weġġa meta lbieraħ filgħaxija seħħet splużjoni f’residenza f’Ħ’Attard. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.45p.m. fi Triq Żnuber.
Stqarrija tal-Pulizija tgħid li kien propju uffiċjal tal-pulizija li kien fuq xogħol dak il-ħin li sema’ ħoss bħal splużjoni minn residenza qrib tiegħu.
Il-Pulizija informa lill-kollegi tad-Distrett ta’ Birkirkara li mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet l-isplużjoni kaġun ta’ ċilindru tal-gass f’parapett ta’ residenza.
Bħala prekawzjoni, il-Pulizija evakwat numru ta’ residenti, għalqet it-triq għat-traffiku u ssejjħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.
Wara li kien stabbilit li ma kienx hemm iktar periklu, ir-residenti reġgħu daħlu fi djarhom u t-triq reġgħet infetħet għat-traffiku. Il-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke fetħet inkjesta u qabbdet numru ta’ esperti biex jassistu. L-Investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-pulizija tad-Distrett.
//= $special ?>