Lokali

Fearne jgħid li Sandro Chetcuti hu membru fil-PL

Sandro Chetcuti u Konrad Mizzi waqt l-aħħar riċeviment tal-kampanja ta' Chris Fearne

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA), Sandro Chetcuti huwa membru tal-Partit Laburista. Din l-aħbar waslet mill-kandidat għall-Mexxej Laburista Chris Fearne meta mistoqsi dwar l-attendenza ta’ Chetcuti fl-avveniment finali tal-kampanja tiegħu l-Ħamis filgħaxija.

Ir-ritratt juri lill-President tal-MDA jħaddan lill-eks Minisru Konrad Mizzi ttieħed waqt l-avveniment tal-Ħamis ta’ Chris Fearne f’Villa Arrigo fin-Naxxar.

Dan mhux biss ifisser li Sandro Chetcuti b’xi mod jifforma parti mill-Partit Laburista iżda jfisser li Konrad Mizzi jifforma parti mill-kampanja ta’ Chris Fearne u ħafna għallura qed isaqsu x’hemm lest għal Mizzi jekk Fearne jsir Prim Ministru.

Meta mistoqsi dwar dan, Fearne qal li “Kemm Konrad Mizzi kif ukoll Sandro Chetcuti huma membri tal-partit,” iżda ma weġibx għall-mistoqsijiet dwar jekk hemmx familjarità bejn uffiċjali tal-gvern u militanti laburisti.

Fl-aħħar jiem l-MDA, li jmexxi Sandro Chetcuti għamlet laqgħa “kordjali” ma’ Chris Fearne u mistoqsi dwar il-laqgħa u jekk tfissirx li r-relazzjoni mill-qrib tal-gvern mal-MDA se tibqa’ jekk Fearne jsir Prim Minisrtu, hu ma weġibx.

Din il-ġimgħa wkoll, Chetcuti kien msemmi mill-eks-Deputat Mexxej Laburista u l-Ispeaker attwali Anġlu Farrugia bħala eżempju ta’ nies li huwa ħass li kienu viċin wisq tal-Lejber ta’ Joseph Muscat.

Waqt l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Farrugia kien qal li Chetcuti kellu uffiċċju fir-raba’ sular tal-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista qabel l-elezzjonijiet tal-2013.

Fi stqarrija ġuramentata maħruġa permezz tal-avukat tiegħu, Chetcuti qal li hu “qatt ma kellu uffiċċju fir-raba’ sular jew fi kwalunkwe sular ieħor tal-kwartieri ġenerali tal-Partit Laburista ”.

Dwar dawn ir-relazzjonijiet mill-qrib tal-President tal-MDA mal-lejber, Chris Fearne ma weġibx. Dan filwaqt li x-xahar li għadda, hu kien qal li ma ħassx li l-Partit Laburista kien viċin wisq ta’ nies fin-negozju.