Fl-aħħar sigħat, tidher li s-sitwazzjoni fil-Partit Laburista qed tkompli tiggrava sew, hekk kif qed ikompli joħroġ fil-beraħ il-ħmieġ politiku f’din il-ġlieda – elezzjoni li se ssir is-Sibt fi 13-il post differenti, bil-votazzjoni tagħlaq fit-8pm.
NET News hu infurmat li għalkemm hemm aktar minn 17,500 membru elegibbli jivvutaw, diversi Tesserati Laburisti baqgħu ma ġabrux id-Dokument tal-Vot. Għalhekk, in-numru ta’ votanti se jkun ferm anqas minn 17,000.
F’dawn il-jiem, kompliet tiddomina l-aktar il-pożizzjoni ħarxa tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari favur Chris Fearne, b’dawn jużaw lil nies qrib tagħhom fis-Segretarjati rispettivi biex jikkonvinċu lit-Tesserati jivvutaw lid-Deputat Prim Ministru.
Fost dawk li qed iċemplu direttament lit-Tesserati hemm l-eks Ministru Konrad Mizzi, li sa mill-ewwel jum tal-kampanja ddikjara l-appoġġ tiegħu lil Fearne. Min-naħa tiegħu, l-eks Ministru ħeġġeġ lin-nies qrib tiegħu biex iċemplu lill-partitarji ħalli anke huma jivvutaw lid-Deputat Prim Ministru.
Persuni li tkellmu ma’ NET News spjegaw li mill-Ministeri, qed ikunu mwegħda diversi pjaċiri, fosthom saħansitra jobs mal-Gvern. Dan jgħodd ukoll għal Konrad Mizzi, għalkemm m’għadux Ministru, iżda aktarx għax jaf li jekk jirbaħ Fearne, hu stess se jinħatar Kap Eżekuttiv tal-Air Malta.
Dan kollu qed juri kemm kellu raġun Robert Abela meta, fil-bidu ta’ din il-ġlieda, qal li l-Partit Laburista kien qed jippjana patt imxajtan, b’kollox idur mal-fatt li Chris Fearne jieħu post Muscat fit-tmexxija tal-Partit.
Il-ġlieda fil-Labour tant ħraxet li anke l-Assistenta Personali ta’ Fearne, Paula Cauchi – it-tifla ta’ Gino Cauchi – spiċċat tattakka pubblikament lil oħt il-mara ta’ Robert Abela, filwaqt li ċ-Chairperson tal-media Laburista Jason Micallef qatta’ l-aħħar sigħat ixerred diversi allegazzjonijiet dwar “manuvri” u “nofs veritajiet”.
Dan kollu qed iseħħ fid-dawl ukoll tal-akkużi mill-kamp ta’ Robert Abela, li fil-jiem li għaddew allegaw li l-proċess elettorali hu mbagħbas … xi ħaġa li għall-Partit Laburista mhix ġdida, partikolarment meta wieħed jiftakar fl-akkużi tal-eks Ministru Lino Spiteri, li kien għamel l-istess allegazzjonijiet fl-elezzjoni li kienet wasslet għall-ħatra ta’ Alfred Sant fl-1992.
U aktar riċenti, meta fl-2008 Muscat ġie elett Mexxej, il-Partit Laburista għadda minn sitwazzjoni bħal ta’ din is-sena, speċjalment meta l-magna tal-Partit appoġġjat għalkollox lilu kontra George Abela – missier l-istess Robert Abela.
//= $special ?>