Lokali Qorti

Il-Qorti tikkritika l-aġir tal-Pulizija fil-konfront ta’ raġel fuq sempliċi rapport ta’ storbju

Il-Qorti kkritikat bis-sħiħ l-aġir tal-Pulizija li mmaniġġjat ħażin ilment fuq storbju hekk kif raġel residenti San Pawl il-Baħar ġie lliberat minn offiżi dwar ordni pubblika u li ħebb għal żewġ uffiċjali tal-Pulizija wara li sabhom ma’ wiċċu fil-gallarija tiegħu tard bil-lejl is-sena l-oħra.

Marko Stojanovic kien qed jiġi proċessat quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, f’kawża tad-Distrett tal-Qawra. Huwa kellu akkużi wkoll relatati ma’ disturbar fil-konfront tar-residenti tal-madwar, li kkreja dwejjaq u problemi permezz ta’ apparat – f’dan il-każ loudspeaker, li rrifjuta li jagħti dettalji lill-Pulizija u li ħebb għal żewġ kuntistabbli tal-Pulizija bi vjolenza.

Il-Qorti semgħet kif ir-raġel kien id-dar fis-7 ta’ Jannar, 2019 jiċċelebra l-Milied Ortodoss ma’ martu u żewġt ħbieb. Sadanittant l-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra rċeviet diversi telefonati dak il-lejl, b’rapporti ta’ mużika għolja u għajjat li kien ġej minn blokka ta’ appartamenti fl-istess lokalità.

Żewġ Pulizija kien ġew inkarigati biex jieħdu ħsieb il-każ, u kif waslu fil-post, bdew jisimgħu l-mużika għolja u l-għajjar. Huwa ċemplu l-qanpiena mit-tarġa tal-blokk.

“Madankollu l-Qorti qalet li mhemm hemm xejn ċert liema qanpiena ntużat mill-Pulizija u dan peress li huma ovvjament ma kienux jafu n-numru tal-appartament inkwistjoni”.

Wara li ndaqqet il-qanpiena mingħajr tweġiba, huma bdew iħabbtu fuq xi siġġijiet ta’ gallarija li setgħet tintlaħaq mit-taraġ li jwasslu għall-bieb prinċipali. Sadanittant ħareġ Stojanovic u dan kien mitlub biex jiftaħ il-bieb.

Il-Qorti qalet li għandha d-dubji tagħha kif instemgħet il-mużika għolja u l-għajjat meta l-persuni li kien hemm ġewwa semgħu lill-Pulizija iħabbtu mas-siġġijiet tal-plastik.

Il-Qorti rat ukoll il-filmati mis-CCTV li kienu esebiti mill-Prosekuzzjonu d-difiża, fejn ġie nnutat li ma kienux identiċi bil-Prosekuzzjoni tkun ‘selettiva fuq dak kollu li hija esebit – meta wieħed irid iżomm f’moħħu li l-Prosekuzzjoni kellha d-dmir tesebixxi l-evidenza kollha – kemm favur kif ukoll kontra l-akkużat.

Mill-filmati l-Qorti osservat li l-Pulizija mmaniġġjat ħażin is-sitwazzjoni, u nnutat li l-inċident ippreċipità ruħu meta l-Pulizija ġew ikkonfrontati mill-akkużat fuq it-tħarbit li huma kienu għamlu fil-gallarija.

Il-Qorti qalet ukoll li minn hemm il-quddiem, ipprivaw jarrestawh u ttrattaw miegħu ferm ħażin u b’manjera mill-aktar degradanti. L-akkużat li fiżikament huwa raġel mibni ma riedx li jiġi mmanettjat u għamel reżistenza u spiċċa li sofri minn ġrieħi qabel mal-istess Pulizija tefgħulu l-‘pepper spray’ u dan meta diġa huwa kien fuq is-sufan.

Il-Qorti qalet li hija tal-opinjoni li l-uffiċjali tal-Pulizija messhom talbu għal għajnuna. Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-ilment li sar kien fuq mużika għolja u dan il-każ qatt ma kellu jiskala sa dan il-punt.

Il-Maġistrat qalet ukoll li ma tistax tikkonkludi li l-akkużat ħebb għall-Pulizija jew li huwa naqas li jagħti l-informazzjoni dwar lilhom. Filwaqt li l-Qorti qalet li ħadd m’għandu jimpedixxi lill-Pulizija li jaqdu dmirhom, qalet li s-sitwazzjoni tmexxiet aħjar mill-forzi tal-ordi, u li qatt ma messha waslet s’hawn. Stojanovic ġie lliberat minn kull akkuża. Għalih deher l-Avukat Mario Mifsud