Lokali

Jason Micallef b’eku ta’ snin twal ta’ manuvri

Kien manuvrar intern fi żmien it-tmexxija ta’ Joseph Muscat li wassal biex Jason Micallef jitneħħa minn Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista. Kliem Micallef innifsu meta mistoqsi minn NET News dwar kif tneħħa minn din il-kariga minkejja l-ħbiberija intima li dejjem qal li kellu ma’ Muscat.

Dwar dan, Micallef kompla li meta tneħħa minn Segretarju Ġenerali kien perjodu li weġġgħu u ddiżappuntah personalment. U dan minkejja li, fi kliemu stess, kien ħa pożizzjoni qawwija favur li Muscat jirbaħ il-ġlieda għal-Leadership fl-2008 fl-istess waqt li kellu l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali, li fiċ-ċirkostanzi suppost tkun waħda newtrali.

Jason Micallef kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ NET News l-għada ta’ kitba li għamel fuq Facebook u li qajmet kontorversja sħiħa, partikolarment fost it-Tesserati Laburisti stess.

Dan hekk kif l-eks Segretarju Ġenerali qisu ta x’jifhem li għandu x’jgħid anke kontra ż-żewġ Kandidati li qed jaspiraw li jieħdu post Muscat … xi ħaġa li wasslet lil ħafna jistaqsuh jekk hux se jitkellem qabel ma jkun tard wisq. U dan fl-istess waqt li, fuq Facebook, diġà esprima l-appoġġ tiegħu għad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Filwaqt li tenna, għal darba darbtejn, li għandu relazzjoni tajba ma’ Muscat, hu ma ddejjaqx jgħid li, meta kien Segretarju Ġenreali, seħħew episodji li mhux se jiddejjaq jirrakkontahom ħalli l-istorja tinkiteb kif suppost.

Appena tneħħa minn Segretarju Ġenerali, wara d-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat, Jason Micallef ingħata għadd ta’ karigi oħra, fosthom bħala Chairman tal-media Laburista u issa anke fl-Aġenzija Kulturali tal-Belt.