Internazzjonali

L-Awstralja: In-nirien issa qasmu minn ‘Stat għal Stat’

Tnejn fost l-akbar nirien qalb l-aħrax li qegħdin jaqbdu bħalissa fl-Awstralja ingħaqdu u ffurmaw ‘ħajt ta’ fjammi fenomenali’ f’zona mal-fruntiera bejn l-Istati ta’ New South Wales u Victoria.

Il-mega blaze minn Stat għal Stat kien ilu jinħass, meta l-awtoritajiet kienu ilhom jiem iwissu dwar din it-theddida allarmanti.

Kelliema għas-servizzi għall-emerġenzi fi New South Wales qalu li ‘iż-żwieġ’ tal-fjammi mill-Istat u l-oħrajn fit-territorju ta’ Victoria ma setax jitwaqqaf –speċjalment ladarba dawn in-nirien għadhom inkontrollabbli.

Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, wissa li dawn is-sigħat se jkunu ‘ferm diffiċli għall-Istati tal-lvant’, fost il-pronostiku ta’ aktar sħana, irwiefen u waqtiet ta’ beraq mingħajr xita.

Filwaqt li qed jaqbdu ’l fuq minn 100 bushfire fi New South Wales, il-periklu mill-fjammi fl-Istat ta’ Victoria hu daqstant ieħor serju. Dan fost rapporti li Kangaroo Island fl-Istat ta’ South Australia ukoll qed jiffaċċja theddida sostanzjali min-nirien.