Lokali

L-ipokrezija tibqa’ l-ikbar legat ta’ Joseph Muscat

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal illi gl-aħħar diskors tiegħu bħala Mexxej Laburista u Prim Ministru, Joseph Muscat baqa’ jipprova jiddieħek bil-partitarji tiegħu u bil-poplu Malti.

Il-PN qal li d-diskors tiegħu kien mizgħud b’ghadd ta dikjarazzjonijiet surreali, li jmorru kontra r-realtà li qed jaffaċċjaw in-nies.

Ftaħar bil-qasam tal-edukazzjoni, meta fil-fatt taħt it-tmexxija tiegħu, Malta għandha t-tieni l-għola rata ta’ early school leavers. Għadd ta’ skejjel illi wiegħed li se jibni għadhom sal-lum ġebel u saqaf. Qal li naqqas id-distakk bejn l-foqra u s-sinjuri, meta fil-verità fl-aħħar snin rajna l-ġid jitqassam b’mod inġust bejn il-familji u l-ftit madwar Joseph Muscat. 

F’Rahal Ġdid, Joseph Muscat semma’ kif ġab xogħol aħjar, iżda l-fatti hawnhekk ukoll jgħidu mod ieħor. Matul l-aħħar snin, il-Gvern laburista ħoloq biss xogħlijiet b’pagi baxxi li wasslu għaċ-cheap labour, b’ħaddiema barranin li jimporta biex jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena.

Semma’ wkoll l-qasam infrastrutturali mingħajr ma’ fakkar li grazzi għall-mudell ekonomiku li ħaddem, pajjiżna għandu l-aktar arja maħmuġa fl-Ewropa. Ma semmiex lanqas id-diżastru ambjentali li se jkun qed iħalli warajh, fejn l-iżviluppaturi qrib tiegħu ħallihom jgħaddu gaffa minn fuq il-poplu. 

Fuq kollox, beża’ jsemmi l-korruzzjoni li taħt it-tmexxija tiegħu fniet lil pajjiżna u fgat lill-istituzzjonijiet mill-awtonomija tagħhom. Meta għal darba oħra llejla qal li “ħallas l-ogħla prezz”, ddejjaq isemmi lil Daphne Caruana Galizia, li hi fil-verità ħallset l-ogħla prezz b’ħajjitha għax kienet qed tagħmel xogħolha u tikxef il-korruzzjoni li kienu qegħdin jagħmlu sħabu filwaqt li mill-Qorti ħareġ li l-Uffiċju tal-Prim Ministru jinsab taħt investigazzjoni għall-qtil tagħha.