Internazzjonali

L-Iran jiċħad l-akkużi li waqqa’ l-ajruplan tal-Ukrajna b’missila

L-Iran qed jiċħad b’mod konsistenti għas-suġġerimenti li missila minn tiegħu waqqgħet l-ajruplan tal-passiġġieri tal-Ukraine International Airlines viċin ta’ Tehran u fejn mietu n-nies kollha (176) ta’ fuqu. It-tiġrif seħħ nhar l-Erbgħa u l-kap tal-avvjazzjoni ċivili tal-Iran, Ali Abedzadeh, issa, insista ‘li hu ċert’ li l-ajruplan, tat-tip Boeing, ma ntlaqatx minn missila.

Abedzadeh kien qed iwieġeb għall-allegazzjonijet tal-Mexxejja tal-Punent li rreferew għal provi li jindikaw li l-ajruplan intlaqat, ‘x’aktarx bi żball’ minn missila tat-tip surface-to-air. Dan meta beda jiċċirkola video li indika ajruplan qed jintlaqat minn missila waqt li kien fuq Tehran. It-tiġrif tat-Titjira PS752 seħħ ftit wara li l-Iran kien spara l-missili lejn żewġ bażijiet tal-ajru fl-Iraq li jservu bħala ċentri għall-qawwiet Amerikani.

L-istampa Amerikana qed tispekula li l-Iranjani setgħu ħasbu li l-ajruplan Ukren kien ajruplan tal-gwerra u meta huma kienu qed iħejju għal ritaljazzjoni potenzjali mill-Istati Uniti għall-isparatura fuq il-bażijiet.

Il-vittmi tat-tiġrif tal-ajruplan tal-passiġġieri jinkludu 82 Iranjan, 63 Kanadiż u 11-il Ukren flimkien ma’ ċittadini mill-Iżvezja, ir-Renju Unit, l-Afganistan u l-Ġermanja.

L-Iran wiegħed li ssir investigazzjoni sħiħa tal-inċident, iżda l-aħħar filmati televiżivi mis-sit fejn niżel l-ajruplan urew bulldozer qed ineħħi l-munzelli ta’ tifrik, fost it-tħassib li ‘l-Iranjani setgħu kienu qed ineħħu l-provi kruċjali’. Intant, l-indikazzjonijiet kienu li l-flight recorders ( kaxxi s-suwed) tal-ajruplan kellhom jinfetħu minn ħin għall-ieħor.

L-Iran qed jinsisti li l-ajruplan meqrud ‘spiċċa ħa n-nar waqt li kien fl-ajru’ u li hemm sinjali ċari li l-pilota kien qed jipprova jirritorna lejn l-ajruport ta’ Tehran. Dan waqt li l-awtoritajiet Iranjani akkużaw lill-Istati Uniti u l-alleati tagħha dwar ‘gideb’ u ‘attentati għal xi gwerra psikoloġika’ rigward il-kawża tat-tiġrif.

Iżda waqt li l-Iran qed jgħid li ‘hemm dokumentazzjoni’ li turi li l-ajruplan kellu problema mekkanika qabel it-tlugħ, l-uffiċjali tal-linja tal-ajru Ukrena ċaħdu għal dan, bid-dettalji jibqgħu mhux magħrufa.

Il-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau, qal li rċieva informazzjoni sigrieta li qed tindika li l-ajruplan twaqqa’ minn missila surface-to-air  waqt li sostna li hu possibbli li dan seħħ ‘mingħajr intenzjoni mill-Iran’. Intant, Trudeau insista għal investigazzjoni bir-reqqa ‘għaliex il-Kanadiżi ħaqqhom it-tweġibiet’ — għalkemm qal ukoll li għadu kmieni wisq biex xi ħadd jinsisti b’xi akkużi jew jasal għall-konklużjonijiet.