Il-Partit Sinn Fein qal li se jissieħeb mill-ġdid fi Gvern għall-Irlanda ta’ Fuq wara tliet snin ta’ staġnar politiku. Dan wara li l-Partit Democratic Unionist (DUP) kien ta l-appoġġ lil abbozz ta’ ftehim lejn ir-restawr tal-istituzzjonijiet politiċi fl-Assemblea ta’ Stormont.
Il-Gvernijiet tar-Renju Unit u l-Irlanda, qabel, kienu pubblikaw l-abbozzi tal-proposti wara disa’ xhur ta’ taħditiet. Fl-2017, il-koalizzjoni għall-qsim ta’ poter fi Stormont (li kienet immexxija minn Sinn Fein u d-DUP) kienet ikkrollat fost tilwima dwar il-ġenerazzjoni ta’ enerġija minn sorsi naturali.
Il-President ta’ Sinn Fein, Mary Lou McDonald, issa, qalet li l-partit tagħha se jinnomina l-Ministri għall-Eżekuttiv, meta Sinn Fein hu ħerqan ‘għal ritorn lejn sistema ġenwina għall-qsim tal-poter’ fl-Irlanda ta’ Fuq. Hi ħeġġet biex kulmin hu involut fl-Eżekuttiv jagħti s-sehem ġenwin tiegħu ‘għaliex il-pajjiż jeħtieġ Eżekuttiv inklussiv’.
Is-Segretarju tal-Istat għall-Irlanda ta’ Fuq, Julian Smith, kien wissa li, f’nuqqas ta’ ftehim, ma kienx se jkollu alternattiva ħlief isejjaħ elezzjoni ġdida għall-Assemblea.
Dan meta s-servizzi pubbliċi madwar l-Irlanda ta’ Fuq kienu ilhom ibatu tul l-aħħar tliet snin peress li ma kienx hemm il-ministri eletti min-nies lokali biex jieħdu deċiżjonijiet kruċjali dwar affarijiet bħas-saħħa, il-kura soċjali u l-edukazzjoni.
Ħafna skejjel, fl-Irlanda ta’ Fuq, ma setgħux jibbilanċjaw il-baġits rispettivi, waqt li eluf ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa qed jorganizzaw l-azzjonijiet industrijali bi protesta dwar is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
//= $special ?>