Lokali

Lanqas laħaq ħareġ minn Kordin; il-gwerra kompliet

L-aħħar diskors f'Kordin; xahar wara li habbar li se jirriżenja

Għall-aħħar darba bħala mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat kellem lis-segwaċi tiegħu u għażel Kordin biex jagħmel dan.

Ritratti: Martin Agius

Madanakollu, tul id-diskors wieħed seta’ jinnota li ċ-ċapċip ma bediex ġej m’għand kulħadd bl-istess mod u l-appell tal-mexxej li sejjaħ għall-għaqda żgur li ma wasalx għand kullħadd.

Mhux talli hekk, talli l-gwerra interna fil-Partit Laburista kompliet fuq il-media soċjali b’reazzjoni għal min kien bilqiegħda wara Muscat waqt id-diskors tiegħu. Kulħadd seta’ jinnota li kien hemm min għannaq lill-Prim Ministru uxxenti, kien hemm minn beka, iżda kien hemm min injorah jew sforza ruħu biex joħodlu b’idu.

Spikka bla dubju eloġju lilu nnifsu b’ħarsa lura lejn iż-żmien li għamel imexxi l-Partit Laburista u ftaħar fuq li ftaħar bir-rebħiet elettorali tiegħu. Ftaħar li ġab lil Malta l-aqwa fl-Ewropa u ftaħar li se jħalli lil ta’ warajh ħafna minn fejn jeħilbu hekk kif qallhom “aħilbu għax hemm minn fejn”

Madanakollu, Joseph Muscat, nesa jsemmi l-vera problemi li se jħalli lil ta’ warajh, nesa jsemmi li fost ir-rebħiet tiegħu, Malta tilfet bil-kbir speċjalment fl-aħħar xhur u tkissret ir-reputazzjoni, tkissru l-istituzzjonijiet, fuq kollox nesa li f’nofs skandlu wara l-ieħor, naqas milli jirriżenja u jerfa’ responsabiltà politka.

Nesa li qatt m’għamel leġislatura sħiħa fil-gvern minkejja r-rebħiet li semma li kiseb għall-partit.

Minkejja li stqar li kien “responsabbli ta’ kollox” u li “ħallas l-ogħla prezz politiku” b’referenza għar-riżenja tiegħu, Muscat nesa wkoll li ilu aktar minn xahar li rriżenja u baqa’ Prim Ministru, nesa li tul dan iż-żmien kollu, Kastilja kompliet tisemma’ b’mod kontinwu fil-Qrati fl-involviment tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fuq kollox nesa li fil-Parlament Ewropew il-maġġoranza assoluta sejħet għar-riżenja tiegħu, f’Malta eluf niżlu fit-toroq jipprotestaw bl-istess għajta… tant nesa, li qal li se jkompli jkun involut fil-Parlament għaż-żmien li ġej iżda ma qalx sa meta.

Joseph Muscat ftaħar li kiseb ħafna għall-età li għandu, persuna li bdiet tmexxi l-partit meta kien għadu żagħżugħ iżda naqas milli jsemmi li fl-aħħar jiem ingħata t-titlu dinji tal-Korrott tas-Sena 2019.

L-aħħar diskors kien wieħed immirat biss għaċ-ċapċip u biss biex ibikki lil dawk li għandhom għal qalbhom lil Muscat jew lil Partit Laburista, diskors li ħalla lil ħafna jistaqsu; x’ser jiġri minn Malta tagħna?

Ritratti: Martin Agius