Lokali

Niżvelaw l-ewwel manuvri għall-Kabinett il-ġdid

Manwel Mallia, Silvio Schembri, Deo Debbatista u aktar...

Is-Sibt tilħaq il-qofol tagħha t-tellieqa għal-leadership li qed toħloq gwerra fil-miftuħ fil-Partit Laburista, tellieqa li permezz tagħha, flok Joseph Muscat, Malta se jkollha lil Robert Abela jew lil Chris Fearne Prim Ministru.

Abela u Fearne huma tnejn min-nies qrib sew ta’ Joseph Muscat, u kienu speċjalment qrib fiż-żmien meta pajjiżna spiċċa mdaħħal fi kriżi politika bla precedent.

Kollox qed jindika li jekk il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne isir Prim Ministru, l-ewwel wieħed li jtir mill-Kabinett ikun il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, bis-sorsi tagħna jindikaw illi Fearne diga’ ħejja pjan biex numru ta’ backbenchers jiddaħħlu fil-Kabinett.

Skont sorsi li tkellmu ma’ Net News, jidher li post Scicluna se jingħata lil Silvio Schembri, Segretarju Parlamentari li dejjem baqa’ jiddefendi lil Joseph Muscat fl-aħħar snin.

Selfie ta’ Joseph Muscat, Silvio Schembri u l-istaff tiegħu li ttieħed illum stess

Post Fearne bħala Ministru tas-Saħħa jidher li se jkun qed jgħaddi għand Deo Debattista li taħt Joseph Muscat kien Segretarju Parlamentari.

Clifton Grima mistenni jingħata l-Ministeru tat-Turiżmu, filwaqt li Chris Agius jerġa’ jingħata r-responsabbilta’ tal-Isports.

Il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Kultura, Owen Bonnici, li għalkemm kien iddikjara li mhux se jitkellem dwar il-kandidati għall-mexxej, fl-aħħar jiem ħareġ għonqu għal Chris Fearne. Jidher li dan ġara hekk kif Fearne se jkun qed jeħles lil Bonnici minn wieħed mill-iktar dekasteri li affaċċja kritika fl-aħħar xhur.

Huwa għalhekk li Owen Bonnici se jżomm id-dekasteru tal-Kultura u l-Kunsilli Lokali, filwaqt li l-Ministeru tal-Ġustizzja jingħata lil Manwel Mallia.

U biex ipaxxi lill-backbenchers, Chris Fearne diga’ għamilha ċara li se jkompli jkabbar l-ikbar kabinett fl-istorja ta’ Malta li kien ħoloq Joseph Muscat.

Dan fi kliem sempliċi jkun ifisser li l-ispiża fuq il-poplu Malti se tkompli tikber.