Internazzjonali

Renju Unit: Il-Familja Rjali ‘imweġġa’ bil-kriżi’ ta’ Harry u Meghan

Il-Familja Rjali Britannika tinsab ‘imweġġa’ u mħassba’ bid-deċiżjoni li ħadu l-Prinċep Harry, id-Duka ta’ Sussex, u martu Meghan biex iwarrbu mill-ħajja pubblika bħala membri ewlenin ta’ din il-familja.

Is-sorsi qrib il-Palazz ta’ Buckingham sostnew li Harry u Meghan – li qalu li jridu jaħdmu biex isiru indipendenti minn aspett finanzjarju — ma kkonsultaw mal-ebda membru ieħor tal-Familja Rjali dwar l-istqarrija personali li ħarġu f’nofs il-ġimgħa. Dan meta l-uffiċjali tal-Palazz ‘inqabdu fuq sieq waħda’ bl-iżvilupp, meta t-taħditiet dwar il-futur ta’ Harry u Meghan (li bdew diġà) għadhom fil-fażi bikrija.

Skont is-sorsi tal-Palazz, intant, għad fadal ‘l-issues ikkumplikati’ li jridu jkunu faċċjati.

Fl-istqarrija, id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex qalu li ħadu d-deċiżjoni biex ma jibqgħux prominenti bħala rjali wara xhur ta’ riflessjoni ‘u diskussjonijiet interni’. Huma qed jippjanaw li, ’il quddiem, iqattgħu ħinhom fir-Renju Unit u l-Istati Uniti ‘anki waqt li jonoraw id-doveri lir-Reġina Eliżabetta u lill-Commonwealth, minbarra li jirrispettaw l-impenji għall-kawżi karitatevoli u b’riżq il-komunitajiet li daħlu għalihom.’

Il-koppja spjegaw li ‘il-bilanċ ġeografiku se jippermettilhom itellgħu lil binhom żgħir b’apprezzament għat-tradizzjoni rjali li hu parti minnha, filwaqt li jippermettilhom ukoll – bħala familja – biex jikkonċentraw fuq il-pass li jmiss f’ħajjithom’.

Minkejja d-deċiżjoni li ħa ma’ martu, il-Prinċep Harry se jibqa’ s-sitta fil-linja tal-eredità għat-tron tal-Ingilterra.

Intant, ir-Reġina talbet lill-istaff irjali biex jaħdmu mad-Duka u Dukessa ta’ Sussex bil-għan li tinstab soluzzjoni għal sitwazzjoni li ma kenitx mistennija. Eliżabetta kellha wkoll ‘taħditiet ta’ kriżi’ mal-Prinċep Harry, fost it-telefonati bejnha u l-Prinċep Charles (missier Harry) biex jaraw l-aħjar triq ’il quddiem. Dan waqt li Meghan, fl-aħħar sigħat, irritornat il-Kanada biex tissieħeb ma’ binha, bil-futur jibqa’ ftit jew wisq inċert.

Ir-Reġina trid li l-futur ta’ Harry u Meghan ikun riżolt ‘f’perjodu ta’ ġranet u mhux ġimgħat’, bit-taħditiet dwar ir-rwol tad-Duka u Dukessa ta’ Sussex iridu jinvolvu lill-Gvern u anki lil xi Gvernijiet barranin – bil-Gvern Kanadiż jissemma bħala possibbiltà.