Sport Sport Ieħor

Sainz ikabbar il-vantaġġ fil-klassifika ġenerali tar-Rally ta’ Dakar

(Ritratt: EPA)

Carlos Sainz kompla jkabbar il-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika ġenerali, minkejja li ma rebaħx is-sitt stadju tar-Rally ta’ Dakar. L-Ispanjol temm l-istadju fit-tieni post, minuta u 33 sekonda wara li Stephane Peterhansel, li rebaħ it-tieni stadju fl-edizzjoni ta’ din is-sena.

Fil-klassifika ġenerali, Sainz għandu vantaġġ ta’ seba’ minuti u 48 sekonda fuq iċ-champion renjanti Nasser Al-Attiyah. Is-sewwieq mill-Qatar, temm l-istadju fit-tielet post fuq Toyota segwit minn Yazeed Al Rajhi, Mathieu Serradori.

Id-darbtejn rebbieħ tal-Formula 1 Fernando Alonso, temm is-sitt stadju fis-sitt post u fil-klassifika ġenerali fis-16-il post. Hu jinsab tliet sigħat, 18-il minuta u 13-il sekonda wara Carlos Sainz. L-Ispanjol għadu ma rkuprax mill-inċident li sofra t-Tnejn li għadda li wassal biex tilef ħafna ħin.

Ir-Rally li qed isir kollu fl-Arabja Sawdija, qed isir fil-Lvant Nofsani għall-ewwel darba wara aktar minn deċennju fl-Amerika ta’ Isfel. Ir-Rally ikompli l-Ħadd li ġej bi stadju speċjali ta’ 546 kilometru minn Riyadh għal Wadi ad-Dawasri.

Kif spiċċaw is-sitt stadju: 1. Stephane Peterhansel (4:27.17), 2. Carlos Sainz (+1.33), 3. Nasser Al-Attiyah (+3.22), 4. Yazeed Al Rajhi (+6.42), 5. Mathieu Serradori (+7.10), 6. Fernando Alonso (+7.56), 7. Bernhard ten Brinke (+9.37), 8. Giniel de Villiers (+10.48), 9. Orlando Terranova (+13.22), 10. Yasir Seaidan (+18.40)

Klassifika Ġenerali: 1. Carlos Sainz 23:33.03, 2. Nasser Al-Attiyah (+7.48), 3. Stephane Peterhansel (+16.20), 4. Yazeed Al Rajhi (+36.48), 5. Orlando Terranova (+43.54), 6. Mathieu Serradori (+50.21), 7. Giniel de Villiers (+55.41), 8. Bernhard de Villiers (+1:12.58), 9. Yasir Seaidan (+2:00.11), 10. Benediktas Vanagas (+2.38.26)