Internazzjonali Lokali

Sfida li għal darb’oħra kienet suċċess

It-13-il sena tal-isfida annwali li tiġbor fondi biex tappoġġja proġetti tal-komunità fl-Etjopja u l-Kenja reġgħet kienet waħda suċċess.

19-il volontarju laħqu l-quċċata tal-Muntanja Kilimanjaro fost ġlieda kontinwa kontra l-effetti tal-altitudni fuq il-ġisem. Mhux biss, din is-sena rnexxielhom jaqbżu l-mira tagħhom ta’ €100,000 għall-ġbir ta’ fondi.

It-tim Malti tal-isfida tal-Kilimanjaro ġabar €108,000 biex jiffinanzja l-bini ta’ skola primarja ġdida għal 700 tifel u tifla f’Bonga, l-Etjopja.

Dan kollu sintendi wasal wara taħriġ kontinwu li kien jinkludi t-tlugħ ta’ Mount Etna, fi Sqallija, biex jidraw it-terren vulkaniku madanakollu bla dubju, xejn ma seta’ jħejjihom għan-nuqqas ta’ ossiġnu tal-ogħla muntanja fil-kontinent Afrikan. Dan in-nuqqas ta’ ossiġnu saħansittra jwassal għal nuqqas ta’ rqad minħabba li l-moħħ jipprova jżommok imqajjem biex ma tmutx.

Malli laħqu l-quċċata, il-Maltin kellhom madwar 20 minuta biex jieħdu x-xena spettakolari, id-dawl tax-xemx u s-silġ, qabel jagħmlu d-dixxendenza tagħhom.

Fl-aħħar 13-il sena inġabbru kważi miljun Ewro għall-karità permezz ta’ din l-isfida.