Futbol Sport

Soares iġedded il-kuntratt ma’ Gżira

(Ritratt: Trevor Sollars)

Id-difensur ta’ Gżira United Rodolfo Soares ġedded il-kuntratt mal-klabb b’sena oħra biex b’hekk se jkompli joffri garanzija fil-qalba tad-difiża tat-tim immexxi minn Giovanni Tedesco. Soares ingħaqad mal-klabb f’Mejju tal-2018 b’kuntratt ta’ sentejn. Hu fforma l-koppja difensiva ma’ Fernando Barbosa, b’Gżira jispiċċaw fit-tielet post fil-kampjonat għat-tieni staġun konsekuttiv.

Hu kien parti mit-tim li fis-sajf li għadda elimina lil Hajduk Split fl-ewwel rawnd tal-UEFA Europa League. F’dan l-istaġun, Soares beda l-logħbiet kollha tal-kampjonat sa issa. Soares hu wieħed mill-aktar plejers barranin li ilhom jilagħbu f’pajjiżna. Id-difensur ta’ 34 sena lagħab ma’ Hibernians bejn l-2011 u l-2018 u magħhom rebaħ darbtejn il-kampjonat, darbtejn l-FA Trophy u darba s-Super Cup.