Internazzjonali

Stati Uniti: Vot biex jillimita l-poteri ta’ Trump dwar l-Iran

Il-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington approvat riżoluzzjoni, fil-parti kbira simbolika, li taħseb biex tillimita l-kapaċità tal-President Amerikan, Donald Trump, biex jidħol fi gwerra mal-Iran.

Il-miżura għaddiet mill-Kamra, li hi ddominata mid-Demokratiċi, b’224 vot kontra 194. Intant, din il-miżura, ’il quddiem, mhix mistennija tgħaddi b’mod daqshekk faċli mis-Senat li hu kkontrollat mir-Repubblikani ta’ Trump.

Ir-riżoluzzjoni taħseb biex l-approvazzjoni tal-Kungress Amerikan issir neċessarja għal kwalunkwe konflitt mal-Iran – ħlief f’każi fejn l-Istati Uniti tkun qed tiffaċċja attakk imminenti minn dan il-pajjiż.

Dan meta la l-Istati Uniti u lanqas l-Iran ma ddikjaraw pjani għal aktar azzjonijiet militari wara l-qtil, bid-drone, tal-Ġeneral Iranjan Qasem Soleimani u l-isparar tal-missili mill-Iran kontra l-bażijiet tal-Amerikani fl-Iraq – u fejn ma weġġa’ ħadd.

Ir-riżoluzzjoni sservi bħala ‘gwida’ għall-President Amerikan biex ‘iwaqqaf l-użu tal-qawwiet armati tal-Istati Uniti’ kontra l-Iran dment li hu ma jingħatax l-awtorizzazzjoni mill-Kungress. Intant, l-eċċezzjoni permessa hi ‘għal ċirkustanzi fejn il-pajjiż  ikun jeħtieġ jiddefendi ruħu kontra aggressjoni li tkun qed tidher pass ’il bogħod’.

Anki f’każ li l-miżura tal-Kamra tgħaddi mil-Kungress, din m’għandhiex tiffaċċja veto potenzjali mingħand Trump peress li  ma tirrikjedix il-firma tal-President Amerikan. Il-proposta tibbaża fuq il-War Powers Act tal-1973 li tagħti lill-Kungress il-kapaċità biex jikkontrolla l-poteri ta’ President Amerikan biex jikkommetti pajjiżu għal xi konflitt armat.