Futbol Sport

Balzan jirbħu f’logħba movimentata

Luke Micallef

SLIEMA WANDERERS…………………. 1 BALZAN…………. 2

B’gowl f’kull taqsima, Balzan reġgħu rebħu bi skor identiku bħalma rebħu lil Sliema fl-ewwel rawnd, 2-1.

Mill-bidu l-partita dehret li se tkun waħda movimentata. Fil-fatt fid-disa’ minuta tal-logħba, fl-ewwel azzjoni, it-tim ta’ Balzan skorja u mar minn fuq. Luke Montebello għadda l-ballun lil UROS LJUBOMIRAC li tefa’ wara Elezaj mingħajr diffikultà.

Tliet minuti wara reġgħu kienu perikolużi l-istess Balzan. Steven Pisani ra x-xutt fil-baxx tiegħu jispiċċa f’saqajn sieħbu Luke Montebello li tefa’ wara Elezaj, li iżda ġie mħassar fuq senjelazzjoni ta’ offside. Fis-16-il minuta Federico Vasilchik mess il-ballun minn ġol-kaxxa, iżda sab lil Kristijan Naumovski u biegħed il-periklu.

Fid-19-il minuta, Sliema għamlu attentat sabiex jidħlu fil-partita. Xutt b’saħħtu ta’ Juri Cisotti intlaqa’ minn Naumovski. Fis-27 minuta Balzan ingħataw penalty wara li Faria twaqqa’ fil-kaxxa avversarja minn Kurt Shaw. Majdevac inkariga ruħu mill-penalty bix-xutt tiegħu jintlaqa’ minn Elezaj. Fl-40 minuta Oyama ta freekick, daħal bir-ras Vasilchik, iżda l-ballun spiċċa barra.

Is-Slimiżi ħarġu fuq l-offensiva fit-tieni taqsima. Iżda kien it-tim ta’ Ħal Balzan li reġa’ sab ix-xibka. Faria għadda l-ballun lil LUKE MONTEBELLO, li kkontrolla l-ballun, dar u b’eleganza tefa’ fix-xibka Slimiża. Balzan komplew jagħfsu lill-avversarji.

Fit-58 minuta, xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Steven Pisani għadda ftit barra. Fis-67 minuta, f’azzjoni personali ta’ CLAUDIO ZAPPA li baqa’ tiela’ bil-ballun, u b’xutt minn barra l-kaxxa ħasad lil Naumovski u reġa’ daħħal lis-Slimiżi fil-partita.

Fl-74 minuta Majdevac ra x-xut bid-dawra tiegħu jgħaddi ftit għoli. Tliet minuti wara Cisotti ta xutt pinġut, iżda Naumovski kien attent u laqa’ b’diffikulta. Fid-79 minuta, xutt ta’ Sansone ġie mdawwar f’korner mid-difiża ta’ Balzan. Il-logħba tkompliet diversi azzjonijiet fuq kull naħa li iżda ma wasslu għall-ebda gowl.

Sliema: E. Elezaj, M. Sansone (J. P. Farrugia 79’), A. Satariano (C. Zappa 46’), K. Shaw, J. Mintoff, M. Scerri, F. Vasilchik, J. Cisotti, A. Oyama, C. Pani (E. Agius 56’), G. Adamovic

Balzan: K. Naumovski, A. Loof, N. Slijivic, S. Pisani, S. Bezzina, P. Fenech, U. Ljubomirac, I. Bozovic, A. Faria (D. Camilleri 81’), A. Majdevac (S. Arab 87’), L. Montebello (A. Effiong 72’)                                                             

Imwissija: C. Pani 26’ (S), I. Bozovic 39’ (B), A. Oyama 43’ (S), A. Loof 62’ (B), M. Sansone 63’ (S), K. Shaw 80’ (S), S. Arab 88’(B)

Skorjaw: U. Ljubomirac 9’, L. Montebello 49’ (B), C. Zappa 67’ (S)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Luke Portelli