Futbol Sport

Fontanella jċaħħad lil Santa Lucia minn rebħa oħra fuq Valletta

SANTA LUCIA……….. 2 VALLETTA…………….. 2

Stewart Said

Gowl fl-aħħar minuti ta’ Mario Fontanella ċaħħad lil Santa Lucia milli jerġgħu jegħlbu lil Valletta. Logħba li kien fiha minn kollox, żewġ penalties, żewġ tkeċċijiet, mumenti ta’ tensjoni iżda mhux ħafna opportunitajiet ta’ skor.

Santa Lucia setgħu għalqu l-logħba meta kienu 2-1 minn fuq u bi plejer aktar, iżda Valletta rnexxielhom jevitaw it-telfa bi prestazzjoni mhux sodisfaċenti. Huma naqsu li joħolqu azzjonijiet kbar ta’ skor, b’Triston Caruana u Miguel Alba jkollhom debutt kwiet.

Kif mistenni, Valletta kellhom l-inizjattiva fl-ewwel minuti tal-logħba u ħolqu l-ewwel azzjoni fl-għaxar minuta, b’Mario Fontanella jqassam lejn Miguel Alba li prova b’xutt minn barra l-kaxxa li iżda ntemm fuq il-mimduda.

Santa Lucia fetħu l-iskor fit-22 minuta meta minn korner ta’ Escobar, minn daqqa ta’ ras, il-ballun ħabat ma’ Kyrian Nwoko u qarraq b’Henry Bonello bil-ballun baqa’ dieħel fix-xibka.

Il-pressjoni fuq Valletta u l-urġenza biex jiskorjaw kibret iżda baqgħu ma jkunux kreattivi biżżejjed biex jinfdu lid-difiża avversarja. Fl-aħħar minuti l-logħba żiedet fit-tensjoni hekk Camilo Escobar kien fil-mira tal-partitarji ta’ Valletta wara li deher jagħmel ġest li ma ġiex innutat mill-uffiċjali tal-logħba.

Il-logħba ħadet żvolta oħra fit-48 minuta meta r-referee ordna penalty għal fawl f’tarf il-kaxxa ta’ Henry Bonello fuq Diego Segura. Mill-11-il metru CAMILO ESCOBAR għadda l-ballun minn taħt idejn Bonello.

Reazzjoni immedjata ta’ Valletta li fil-51 minuta naqqsu d-distakk meta BOJAN KALJEVIC ħa vantaġġ minn żball fid-difiża u b’persistenza laħaq qabel Ryan Caruana biex skorja mill-viċin.

Valletta resqu qrib id-draw fit-58 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Miguel Alba li ġie mdawwar f’korner minn Caruana. Iżda fl-64 minuta seħħet żvolta oħra fil-logħba hekk kif Steve Borg ġie muri t-tieni karta safra wara li ġie ġġudikat li għamel fawl fil-kaxxa ta’ Santa Lucia.

Santa Lucia setgħu għalqu l-logħba fit-82 minuta f’kontrattakk li minnu Escobar qassam għan-nofs lejn Kevin Ante Rosero li nkredibbilment xeħet barra mill-viċin.

Il-Beltin ingħataw penalty fil-85 minuta bi kross ta’ Pena Beltre jaħbat ma’ id Lee Galea, bir-referee Stefan Pace jordna penalty. Mill-11-il metru MARIO FONTANELLA skorja b’xutt fil-baxx għar-rokna.

Santa Lucia spiċċaw il-logħba b’għaxra fil-91 minuta meta tkeċċa għat-tieni karta safra David Mendoza, iżda Valletta kien fadlilhom ftit ħin biex jiskorjaw il-gowl tar-rebħa.

Santa Lucia: R. Caruana, J. Walker, K. Correia, L. Galea (D. Agius 88’), G. Bohrer Mentz, C. Escobar, J. Zerafa, J. Mendoza, R. Tachikawa (J. Magri Overend 92’), K. Ante Rosero, D. Segura (N. Micallef 78’)

Valletta: H. Bonello, S. Borg, J. Caruana, J. Borg, E. Pena Beltre, T. Caruana (K. Tulimieri 76’), R. Muscat, J. Zerafa, M. Alba (M. Piciollo 71’), M. Fontanella, K. Nwoko (B. Kaljevic 46’)

Imwissija: J. Mendoza 26’, C. Escobar 35’, D. Segura 72’ (S), M. Alba 33’, S. Borg 45+5’, H. Bonello 48’, B. Kaljevic 93’ (V)

Tkeċċew: S. Borg 64’ (V), D. Mendoza 91’ (S)

Skorjaw: K. Nwoko og 22’, C. Escobar 50’ pen (S), B. Kaljevic 51’, M. Fontanella 87’ pen (V)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Duncan Sultana, Chris Francalanza