99 immigrant minn gruppi li ġew salvati mill-bastiment Sea Watch 3 iddaħħlu f’Malta s-Sibt wara nofsinhar.
L-immigranti jiffurmaw parti minn iktar minn grupp wieħed, fosthom madwar 60 persuna li ġew salvati matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt mill-għaqda mhux governattiva Sea Watch 3 fiż-żona ta’ tiftix u sigurtà ta’ pajjiżna. Dawn diġa’ ġew trasferiti abbord bastiment tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Dgħajsa oħra li ġiet salvata fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ pajjiżna kienet qed tiġi rifjutata minn Malta. Abbord kien hemm 42 persuna.
L-għaqda Sea Watch International fuq Twitter akkużat lill-Forzi Armati ta’ Malta li naqsu milli jassistu lil grupp ta’ immigranti l ikien ilhom jiem fuq il-baħar.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, l-għaqda mhux governattiva ddikjarat li ħadet tmien sigħat biex waslet fil-post fejn sabet li l-Forzi Armati kien diġa ilhom tleit sigħat fil-qrib iżda ma ħadux azzjoni.
Fl-aħħar sigħat seħħ ukoll salvataġġ ieħor mill-Open Arms fejn ittellgħu abbord 74 persuna, fosthom mara tqila, tfal u anke trabi tat-twelid.
Waqt li kien qed isir dan is-salvataġġ, dgħajsa tal-armata Libjana ppruvat tfixkel is-salvataġġ u żewġ immigranti qabżu l-baħar.
Hu kkalkulat li fl-aħħar sigħat kien hemm 12-il dgħajsa oħra li ppruvaw jitilqu mil-Libja. Fil-maġġoranza tagħhom, inżammu mill-awtoritajiet Libjani.
//= $special ?>