Il-Gvern Iranjan ammetta l-ħtija wara li l-Erbgħa li għadda ajruplan tal-passiġġieri ġġarraf minuti biss wara li ħalla l-ajruport tal-pajjiż.
Waqt messaġġ fuq l-istazzjon tal-istat Iranjan ingħad li l-ajruplan għadda qrib sit sensittiv tal-Gwardji Revoluzzjonarji tal-pajjiż.
Kien għalhekk li qam suspett u l-ajruplan tqies bħala theddida. Bl-Iran li bħalissa jinsab fuq stat ta’ allert minħabba t-tensjoni mal-Istati Uniti, ittieħdet id-deċiżjoni li l-ajruplan jiġi attakkat b’missila.
Il-President tal-pajjiż, Hassan Rouhani, iddeskriva dan l-inċident bħala żball uman u qal li min jaħti għal din it-traġedja se jħallas ta’ għemilu.
Dan wara li fil-jiem li għaddew l-Iran ċaħad li kellu xi responsabbiltà f’dan il-każ. Madankollu uffiċjali tal-intelliġenza minn pajjiżi Ewropej kisbu informazzjoni li bdiet tipponta lejn l-Iran.
Abbord kien hemm 176 persuna innoċenti, 82 persuna mill-Iran, 57 Kanadiżi, 11 mill-Ukrajna kif ukoll Żvediżi, Ingliżi, Ġermaniżi u ċittadini tal-Afghanistan.
Waqt li talab skuża lill-vittmi, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Javad Zarif waħħal ukoll fl-Istati Uniti għax qal li l-inċident seħħ fi żmien ta’ kriżi li nħolqot mill-Amerikani.
It-twaqqiegħ tal-ajruplan seħħ sigħat biss wara li l-Iran spara numru ta’ missili lejn żewġ bażijiet militari tal-Istati Uniti fl-Iraq.Dan b’risposta għall-qtil tal-Kmandant Iranjan Qasem Soleimani, li nqatel f’Baghdad wara li spiċċa fil-mira ta’ drone tal-Istati Uniti.
//= $special ?>