Knisja Lokali

Prospero Grech ħalla legat li miss il-qlub

Il-Kardinal Prospero Grech kien jagħmel minn kollox biex jgħin lil batut u lill-fqir. Dan ħareġ minn intervista li saret mal-Patri Provinċjal tal-Agostinjani Leslie Gatt fuq Net Live.

Gatt żvela kif il-Kardinal Prospero Grech kien anki fetaħ kont fi spiżerija biex ikun jista’ jgħin lil dawk li m’għandhomx flus biex jixtru l-mediċina li għandhom bżonn.

Mhux talli hekk talli kien jieħu ħsieb li kontinwament jgħallem lil dawk ta’ madwaru.

Il-Patri Provinċjal qal li l-legat li ħalla warajh mhux biss kien akkademiku, iżda ħalla legat li jmiss il-qlub.

Il-Ħamis li għadda ġew fi tmiemhom sensiela ta’ ċerimonji li permezz tagħhom ingħatat l-aħħar tislima lill-Kardinal Prospero Grech. Il-funeral tat-tieni kardinal Malti fl-istorja ta’ pajjiżna beda fil-Vatikan u ntemm biċ-ċerimonja fil-Katidral tal-Imdina.