Futbol Sport

Real Madrid jirbħu s-Super Cup ta’ Spanja bl-għoti tal-penalties

(Ritratt: EPA)

Real Madrid għelbu lir-rivali Atletico Madrid biex rebħu l-edizzjoni modernizzata tas-Super Cup Spanjola. Il-logħba li ntlagħbet fl-Arabja Sawdija, spiċċat 0-0 sal-ħin barrani, b’Real Madrid jirbħu 4-1 fl-għoti tal-penalties. Din hi l-11-il darba li Real Madrid rebħu s-Super Cup. Fil-passat kienet tintlagħab logħba bejn ir-rebbieħa tal-kampjonat u t-Tazza tar-Re, qabel il-kompetizzjoni kibret għal erba’ timijiet.

Il-captain Sergio Ramos skorja l-penalty deċiżiv wara li Dani Carvajal, Rodrygo u Luka Modric kienu skorjaw għat-tim ta’ Zinedine Zidane. Għal Atletico skorja Kieran Trippier, b’Saul Niguez u Thomas Partey jonqsu li jiskorjaw. Iż-żewġ gowlkipers spikkaw f’logħba li tkompliet fil-ħin barrani. Din kienet il-ħames finali konsekuttiva mill-2013 bejn ir-rivali ta’ Madrid li tkompliet wara d-90 minuta. Il-midfielder ta’ Real Madrid Federico Valverde tkeċċa fil-115-il minuta.