Futbol Sport

Aguero jsir l-aktar barrani li skorja gowls fil-kampjonat Ingliż

(Ritratt: Premier League)

Manchester City ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Aston Villa 6-1. L-attenzjoni prinċipali marret fuq Sergio Aguero li skorja tripletta. B’dawn il-gowls hu sar l-aqwa skorer mhux Ingliż fl-istorja tal-Premier League. Hu skorja 177 gowl u b’hekk qabeż lil Thierry Henry. Dan ir-riżultat fisser li Manchester City rebħu disa’ mill-aħħar għaxar logħbiet fil-kompetizzjonijiet u jinsabu t-tieni, 14-il punt wara li Liverpool b’logħba aktar. Aston Villa jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni.

Iċ-champions Ingliżi skorjaw erba’ gowls fl-ewwel taqsima. Riyad Mahrez fetaħ l-iskor fit-18-il minuta b’xutt fil-baxx fuq l-ewwel lasta biex sitt minuti wara l-istess plejer irdoppja wara żball tad-debuttant Danny Drinkwater.

Sergio Augero għamilhom tlieta fit-28 minuta b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa li spiċċa fir-rokna. L-iskor sar 4-0 fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, bi kross fil-baxx mill-isbaħ ta’ Kevin de Bruyne li sab lil Gabriel Jesus, bl-attakkant jiskorja b’konklużjoni mill-ewwel.

Ftit qabel is-siegħa logħob, Aguero skorja l-gowl li kiser ir-rekord b’xutt fil-baxx mill-kaxxa u għaqqad it-tripletta fil-81 minuta wara żball ieħor difensiv ta’ Aston Villa. It-tim ta’ Dean Smith naqqas id-distakk fil-91 minuta minn penalty ta’ Anwar El Ghazi.

Il-forma diżastruża ta’ Bournemouth kompliet b’telfa ta’ 3-0 fil-Vitality Stadium kontra Watford. Din ir-rebħa fissret li t-tim ta’ Nigel Pearson ħareġ miż-żona tar-relegazzjoni għall-ewwel darba f’dan l-istaġun. Fuq in-naħa l-oħra, Bournemouth niżlu fid-19-il post b’rebħa biss mill-aħħar 11-il logħba.

Abdoulaye Doucoure fetaħ l-iskor fit-42 minuta wara li ħa vantaġġ minn żball tal-gowlkiper Mark Travers. Il-captain Troy Deeney irdoppja l-iskor fil-65 minuta b’xutt b’saħħtu wara li l-ballun spiċċa quddiemu. Roberto Pereyra ssiġilla r-rebħa fit-92 minuta b’konklużjoni sabiħa wara li kien ikkontrolla l-ballun b’sidru.