Lokali

Appell komuni lill-Prim Ministru l-ġdid biex ma jkunx bħal ta’ qablu

Il-kelliema fl-attività ġewwa ż-Żejtun il-bieraħ filgħodu kien wieħed komuni, dak biex il-mexxej magħżul il-ġdid u Prim Ministru ġdid Robert Abela ma jkunx bħal ta’ qablu – fejn ġie vvutat bħala l-aktar Prim Ministru korrott u li ma jħares lejn wiċċ ħadd, anke jekk fir-realtà kollox jindika li mhuwa se jibidel xejn. 

Joseph Grech, President tal-MŻPN awgura lil Robert Abela li ma jkunx bħal ta’ qablu. Qal li dan kien jifforma parti mill-Gvern ta’ Joseph Muscat u fl-ebda mument ma għamel xi forma ta’ reżistenza fil-konfront ta’ persuni ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Qatt ma ddeplora d-deals li saru li minnu dawn il-persuni permezz ta’ kuntratt oxxen idaħħlu mal-ħames t’elef ewro kuljum. 

Huwa semma s-saga ta’ kif mexa sa minn qabel ħa l-Gvern f’idejn u li dan kollu kien ġie konfermat mill-ex Deputat Mexxej, illum Speaker tal-Parlament Anġlu Farrugia li lanqas biss kellu l-password tal-uffiċini tar-raba’ sular kif kellu Keith Schembri u oħrajn, bħal Prim Ministru.

Tkellem ukoll il-ħemel ta’ skandli orkestrati mill-Partit Laburista li kulħadd baqa’ sajjem fuqhom fosthom dwar il-ħabi tar-rapport Egrant, li grazzi għal Adrian Delia issa nafu x’fih.  

Grech awguralu li jinvestiga bis-serjetà l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizija, anke jekk baqa’ jiddeffendi dejjem lil Joseph Muscat u l-sħabu li għaddew lil pajjiż minn martirju. Huwa staqsa wkoll x’se jagħmel fuq Keith Schembri fejn stqarr li huma ma jemmnux li dan kien tilef il-mobajl – allura issa se jieħu azzjoni fuq dan – qal il-kelliem. 

Id-Deputat Nazzjonalista Mario Demarco saħaq li f’pajjiżna d-deċiżjonijiet li se nieħdu llum huma l-bażi tal-futur. Minkejja l-wegħdi kollha ta’ Malta Tagħna lkoll u l-Aqwa Żmien, sirna pajjiż sfiduċjat fl-Ewropa u wasalna biex inqatlet ġurnalista omm u l-wegħda li se niġġieldu l-korruzzjoni, spiċċajna l-aktar pajjiż korrott. 

Joseph Muscat li kien iħoss ruħu invinċibbli kellu jitlaq mill-ħajja politika ġewwa pajjiżna. Issa rridu naraw kif se nsewwu l-ħsara li saret lill-ekonomija u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna – li jrid jieħu numru ta’ deċiżjonijiet li jrid jagħmilhom Prim Ministru ġdid.  

Irid jara li l-istituzzjonijiet jerġgħu jingħataw l-awtonomija għall-ġid ta’ Malta u mhux tal-Partit Laburista. Qal li m’għandux fiduċja f’persuna li m’għamel xejn meta kellu ċ-ċans u li qed jgħid jrid il-kontinwità. Qal li l-pajjiż għex żmien simili u kien dejjem il-Partit Nazzjonalista li rnexxielu jbiddel sfida f’opportunità.  

Demarco qal li rridu naħmdu biex il-Malti ma jaċċettax il-korruzzjoni u jagħraf x’inhu t-tajjeb u ħażin – il-Malti li jrid ix-xogħol ġustizzja u libertà. Tenna li flimkien mal-Kap Adrian Delia u l-poplu Malti li dak li kien impossibbli nagħmluh possibbli. 

Min-naħa l-oħra d-Deputat Nazzjonalista Mario Galea qal li kien hemm min kellu l-idea li l-Partit Laburista li mhux se jirrepeti l-istess żbalji tas-snin tmenin. Joseph Muscat qal li mhux se jħalli ġebla mhux imċaqalqa biex isolvi l-qtil ta’ Daphne Caruana Galaizia u li għamel hu li bil-ġebel radam l-investigazzjoni. 

Galea qal li Robert Abela mhuwa se jagħmel xejn biex isolvi dan kollu għax qatt ma għamel xejn jew tkellem fuq dawn il-problemi. Tkellem ukoll fuq l-eloġi li kienu għamlu Tony Blair u Angela Merkel għal mod kif il-Prim Ministru Lawrence Gonzi ntervjena fil-gwerra tal-Libja. Saħansitra kienet ġie Malta – Hilary Clinton li wkoll faħħret lil Gonzi għal mod kif kien qed jaħdem fuq din il-gwerra u l-għajnuna li kien qed jagħti. 

Qal li Gonzi ħalla lil Muscat Malta safja u llum spiċċajna b’Malta – Mafia. Semma’ wkoll l-uffiċċju li Joseph Muscat ta lin-Nexia BT f’Kastilja, biex ikunu jistgħu jiffinanzjaw il-korruzzjoni. Finalment Mario Galea staqsa lil Robert Abela fejn kien fuq il-pubblikazzjonijiet ta’ rapporti dubjużi li jibqgħu moħbija u kien Adrian Delia li rnexxielu jippubblikah wara li rebaħ il-kawża fil-Qorti. Qal ukoll li Robert Abela kien il-konsulent legali tal-akbar Prim Ministru korrott fid-dinja.