Lokali Qorti

Erba’żgħażagħ jinżammu l-ħabs wara akkużi li kkommettew reati serji

Il-Qorti fetħet b’urġenza l-Ħadd biex tressqu erba’ żgħażagħ mixlijin b’reati differenti u serji fosthom theddid, traffikar ta’ droga u theddid. Minħabba l-biża li tista’ tiġi kontaminatà l-evidenza, l-erba’ ġuvintur nżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-akkużati li trewssqu quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia huma Joshua Sciberras ta’ 19-il sena u  Jeremy d’Amato ta’ 20 sena, t-tnejn minn Santa Lucia, Keith Spiteri ta 20 sena mill-Gudja, u Jide Mallia tal-istess età miż-Żejtun li ġew mixlijin li nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Jannar, f’Ħal Għaxaq serqu basket u mobile ta’ żagħżugħ ieħor u li kkaġunawlu feriti ta’ natura gravi.

Huma ġew mixlija wkoll li heddew lil Ryan Cachia u li żammewh kontra l-volonta tiegħu, li kkaġunawlu biża u li kisru l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. 

Jide Mallia waħdu ġie mixli li s-Sibt li għadda wettaq ħsara volontarja fil-‘lock up tal-Pulizija’, ikkaġuna biża’ fuq Cachia u ommu u li fit-30 ta’ Diċembru li għadda ttraffika d-droga kokaina. Huwa kien mixli wkoll li permezz ta’ apparat elettroniku hedded li jagħmel reat. 

Joshua Sciberras waħdu kien mixli li nhar il-Ġimgħa fil-‘lock up’ tal-Pulizija ġarr mus mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija. Huma m’ammettewx l-akkużi miġjubin kontrihom u saret talba għal libertà proviżorja tagħhom bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ li jiġu kontaminati l-provi u l-fatt li għad irid jagħti x-xhieda tiegħu l-allegat vittma u ommu. 

Il-Qorti wara li semgħet it-trattazzjoni tal-Prosekuzzjoni u d-Difiża, ċaħdet it-talba minħabba n-natura tal akkużi u u qablet ma dak li qalet il-Prosekuzzjoni dwar il-biża’ li jiġu kontaminati l-provi. Fid-dawl ta’ dan kollu l-erba’ akkużati baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għal Keith Spiteri u Jide Mallia. L-Avukat Albert Zerafa deher għal Jeremy d’Amato filwaqt li l-Avukat Kris Busietta ddeffenda lil Joshua Sciberras.