Internazzjonali

Filippini: Jevakwaw fost l-inkwiet dwar vulkan attiv

Eluf ta’ nies fil-Filippini kellhom jevakwaw minn diversi nħawi viċin ta’ vulkan li fl-aħħar sigħat beda jarmi kwantitajiet kbar ta’ ġmied u dħaħen fl-ajru.

Il-pjuma tad-duħħan mill-vulkan ta’ Taal telgħet sa kilometru għoli waqt li l-artijiet tal-madwar bdew jirtogħdu fost ħsejjes kontinwi li kienu simili għal ragħad.

Il-vulkan, li jinsab lejn in-nofsinar ta’ Manila, hu t-tieni l-aktar wieħed attiv fil-Filippini u l-awtoritajiet issa żiedu l-livell tal-allert għaz-zoni qrib tiegħu u l-madwar.

Ħarġu wkoll twissijiet dwar żbroff kbir perikoluż mill-vulkan li kapaċi jseħħ fil-ġranet li ġejjin u meta r-residenti tal-inħawi jistgħu anki jiffaċċjaw il-possibbiltà ta’ tsunami vulkaniċi.